Lokali

L-ACE mħassba dwar l-effett tal-istrike tas-sewwieqa tal-Bolt Food

L-Assoċjazjzoni tal-Istabbiliment tal-Catering, l-ACE esprimiet it-tħassib tagħha wara li lbieraħ mat-300 sewwieq tal-Bold Food ħarġu bi strike minħabba l-ħlas baxx li qed jingħataw.

L-ACE qalet li hi għandha d-dmir tindirizza kull kwestjoni li tista’ b’xi mod teffettwa l-industrija tal-catering f’pajjiħna.

Filwaqt li għarfet id-dritt li ħaddiem jistrajkja, l-assoċjazzjoni qalet li tħoss li azzjoni bħal din fl-aħħar mill-aħħar se teffettwa lill-istabbilimenti tal-ikel. Dan meta l-istess industrija diġà qed taffaċċja sfidi oħra.

L-ACE kompliet tgħid li fil-ġranet liġejjin se tkun qed tressaq it-tħassib tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti sabiex sitwazzjoni bħal din matirrepetix ruħha.

L-Assoċjazzjoni ħeġġet lil stabbilimenti tal-catering sabiex jingħaqdu magħha sabiex id-drittijiet tagħhom ikunu mħarsa sewwa.

Minn naħa l-oħra, l-ACE rreferiet għal stħarriġ riċenti li jixħet dawl fuq il-pagi adegwati fl-industrija ħeġġet ukoll lis-sewwieqa tal-servizzi tal-ikel biex jagħmlu kuntatt mal-assoċjazzjoni sabiex tagħtihom l-għajnuna meħtieġa biex isibu mpjieg b’pagi ġusti u xierqa.