Lokali

“Naħdmu flimkien sabiex nagħtu lil pajjiżna t-triq it-tajba” – Bernard Grech

“Irridu naħdmu lkoll flimkien biex l-affarijiet jinbidlu. Irridu naħdmu flimkien sabiex nagħtu lil pajjiżna t-triq it-tajba”.

Hekk sostna l-Kap tal-PN Bernard Grech fejn saħaq li kull ċittadin għandu rwol importanti fis-soċjetà Maltija, kif għandha wkoll is-soċjetà ċivili.

Fid-diskors tiegħu waqt il-Kunsill Ġenerali, Bernard Grech awgura ħidma sfieqa lil Alex Perici Calascione bħala l-Viċi Kap elett il-ġdid tal-PN, kif ukoll lil Jean Paul Barbara u lil Jake Seychell li ġew eletti bħala rappreżentanti żgħażagħ fil-Kumitat Eżekuttiv tal-PN.

Bernard Grech irringrazzja lil familji u l-ħbieb ta’ dawk kollha li jidħlu għall-impenn politiku, li hu biss bis-sostenn tagħhom li l-politiċi jkunu jistgħu isservu lil pajjiżna.

Hu qal li bħalissa qed isir ħafna xogħol fis-silenzju fi ħdan il-Partit u li r-riżultati għandhom jibdew jidhru fi ftit tax-xhur oħra.

“Bdejna r-ristrutturar. Bdejna t-triq li għandha twassal għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, qegħdin naħdmu fuq pjan għall-media tal-Partia, bdejna naħdmu wkoll fuq branding exercise għall-Partit, u bdejna wkoll il-ħidma biex tindirizza l-isfida finanzjara tal-Partit. Dan kollu għandu jsaħħaħ lill-Partit u l-istrutturui tiegħu”.

Bernard Grech qal li Malta u Għawdex għandha bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha li tkun tista’ sservi bħala Gvern alternattiv.

Hu qal li dan mhux qed jgħid biss min hu fi ħdan il-PN, imma qed jgħiduh ukoll il-ħaddiema, l-anzjani, iż-żgħażagħ li lkoll qed jiffaċċjaw sfidi differenti, fosthom l-għoli tal-ħajja.

Grech qal li Malta ma tistax timxi ‘l quddiem biċ-cheap labour kif ukoll dwar l-isfidi kbar li qed jiffaċċja l-qasam tas-saħħa f’pajjiżna, in-nuqqas tal-mediċini, l-infermiera u l-careworkers sfruttati, u problemi oħra, bħas-sitwazzjon li żviluppat din il-ġimgħa fid-dipartiment tal-onkoloġija.

Il-Kap tal-PN qal li l-PN irid ikompli jaħdem u jinsisti li jkun il-vuċi ta’ min mhux jinstema’ u li kien għalhekk li tkellem fost l-oħrajn għal dawk li l-Gvern Laburista fl-aħħar xhur daħaq bihom, fosthom għall-ħaddiema tal-Air Malta li baqgħu imdendla dwar il-futur tagħhom, u għall-Beltin.

Bernard Grech fakkar ukoll kif il-PBS u l-awtoritajiet tax-xandir kisru l-liġijiet biex joħonqu l-vuċi tal-PN u għal dan ibati min m’għandux vuċi.

Hu qal li hu għalhekk li l-PN irid ikompli jissaħħaħ u li kull wieħed u waħda minnha trid tibqa’ taħdem biex dan il-pajjiż ikollu futur isbaħ.

Grech tkellem dwar id-dejn kbir li spiċċa fih il-pajjiż. Fejn qal li d-dejn żdied bi tliet biljuni u li nofs biljun minnhom biss kien riżultat tal-pandemija.

Il-Kap tal-PN qal li Robert Abela tefa’ €7,000 dejn għal kull ċittadin Malti u Għawdxi.

Bernard Grech qal li l-PN fil-programm elettorali tiegħu kellu pjan sħiħ immirat biex isolvi l-għoli tal-ħajja iżda l-Gvern illum jidher ċar li m’għandu l-ebda pjan u li Robert Abela ma jafx kif se jaqbad isolvi l-problema dejjem tikber tal-għoli tal-ħajja.

“Aħna determinati li nibqgħu ngħidu ċar dak li hu ħażin, imma dak li jista’ jittranġa għandna ngħidu ċar kif jista’ jittranġa”.

Bernard Grech qal li l-PN se jibqa’ jaħdem magħqud fit-tiġdid li għaddej u rringrazzja lil kull min qed jagħżel li jservi fi ħdan il-PN.