Sport Waterpolo

San Ġiljan jirbħu battalja kontra Neptunes … l-ewwel rebħa għal Exiles u l-ewwel telfa għal Valletta

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

NEPTUNES VIDEOSLOTS……. 9

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…… 11

(3-2), (2-1), (2-5), (2-3)

San Ġiljan JP Projects irnexxielhom jegħlbu lil Neptunes Videoslots erbat ijiem qabel jerġgħu jiltaqgħu fil-finali tan-knock-out. Rebħa li biha tfisser li se jibdew is-semifinali tal-play-offs kontra Sirens filwaqt li Neptunes jilagħbu kontra Sliema. Iż-żewġ timijiet jibdew id-dwell tal-aqwa fuq tliet logħbiet, 1-0 minn fuq.

Il-Ġiljaniżi rkupraw minn bidu ftit indeċiż iżda meta kisbu l-vantaġġ għall-ewwel darba, ma tilfuh qatt. Neptunes fuq in-naħa l-oħra ma komplewx fuq l-ewwel nofs tal-logħba u kienu nieqsa mill-personalità b’mod kollettiv, hekk kif in-nuqqas ta’ Jordan Camilleri jinħass f’dawn it-tip ta’ logħbiet speċjalment fid-difiża.

Neptunes kellhom bżonn jiksbu l-vantaġġ tliet darbiet biex setgħu jirbħu l-ewwel sessjoni. Dan wara li San Ġiljan ġabu d-draw darbtejn b’gowl sabiħ ta’ Ben Plumpton u penalty ta’ Nikolai Zammit. Kien xutt preċiż u b’saħħtu ta’ Stevie Camilleri li ta vantaġġ minimu iżda meritat lil Neptunes.

Gabriel Pace ta vantaġġ doppju lil Neptunes għall-ewwel darba b’kontrattakk fit-tieni sessjoni. Plumpton naqqas id-distakk sakemm Alec Fenech skorja minn angolu ristrett, ftit sekondi wara li Jake Tanti kien salva penalty ta’ Stevie Camilleri.

Fit-tielet sessjoni nbidlet il-logħba. It-tensjoni żdiedet, San Ġiljan tjiebu u fl-aħħar tliet minuti botta u risposta bejn it-tnejn, b’San Ġiljan jirnexxilhom jieħdu l-vantaġġ. San Ġiljan dawru r-riżultat fi ftit sekondi bi tliet gowls ta’ Darren Zammit, Nikolai Zammit minn penalty u Nicholas Bugelli.

Stevie Camilleri wieġeb b’opportuniżmu, ġmiel ta’ gowl taż-żagħżugħ Russell Caruana għamilhom 7-6, Camilleri reġa’ wieġeb ftit wara iżda Andreas Galea għamilhom 8-7 fl-aħħar sekondi.

Issa l-Ġiljaniżi kienu kisbu vantaġġ numeriku iżda wkoll psikoloġiku. Huma kienu aktar dixxiplinati u l-gowls ta’ Nikolai Zammit ħallew lil Neptunes jiġru warajhom. Id-differenza baqgħet ta’ gowl sal-aħħar sekondi b’Neptunes jonqsu li joħolqu azzjoni perikoluża fl-aħħar sekondi, b’Matthew Zammit jissiġilla r-rebħa mat-tisfira finali.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat, S. Gialanze (1), G. Pace (1), J. Cachia, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (3), J. Camilleri, J. Abela (2), M. Spiteri Staines, A. Fenech (2), M. Castillo, M. Rossi, M. Farrugia

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea (1), N. Schiavone, R. Caruana (1), M. Zammit (1), B. Plumpton (2), D. Tully, J. Bonavia, N. Zammit (4), D. Zammit (1), N. Bugelli (1), G. Vassallo, M. Ortoleva, D. Fero

Referees: Mirko Schiavo, Peter Balzan

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……. 7

EXILES……………………………. 15

(1-4), (3-3), (2-4), (1-4)

Exiles temmew il-Kampjonat Premier fuq nota pożittiva hekk kif finalment waslet l-ewwel rebħa tagħhom. Jekk il-ġimgħa l-oħra sfaw megħluba fl-aħħar sekondi kontra Sirens, din id-darba ddominaw kontra Birżebbuġa Freeport u qatt ma dehru li setgħu jitilfu l-logħba.

Tliet gowls konsekuttivi minn Jake Bajada, Philip Paris u Max Aquilina fl-ewwel sessjoni taw vantaġġ ta’ 4-1 lil Exiles. Il-vantaġġ tagħhom kiber għal 7-2 fit-tieni sessjoni iżda Birżebbuġa wieġbu b’żewġ gowls ta’ Julian Farrugia u Christian Mifsud.

Il-vantaġġ ta’ tliet gowls baqa’ għal ħafna mit-tielet sessjoni sakemm Exiles skorjaw darbtejn mingħajr risposta fl-aħħar mumenti u prattikament aċċertaw mir-rebħa qabel bdiet l-aħħar sessjoni. Fl-aħħar sessjoni, Exiles baqgħu konċentrati u ġew ippremjati għaliex rnexxielhom ikabbru r-rebħa tagħhom.

Birżebbuġa: M. Vassallo, J. Farrugia (1), N. Cassar (1), B. Grech (1), C. Mifsud (1), R. Mock, N. Fenech, D. Cutajar, D. Farrugia, K. Tanti (2), S. Bezzina, M. Curmi, M. Sladden, D. Incorvaja, G. Sammut (1)

Exiles: M. Castillo, N. Saliba (1), L. Gialanze (2), P. Paris (1), T. Sullivan, S. Xerri de Caro (1), M. Fenech (3), K. Griscti (1), N. Paris (2), J. Bajada (1), M. Aquilina (1), D. Fenech, G. Borg, M. Martellacci (1), L. Pursehouse (1)

Referees: Mirko Schiavo, Massimo Angileri

VALLETTA IZIBET………………… 3

M’SKALA FISH AND FISH……… 7

(0-2), (2-2), (1-1), (0-2)

Marsaskala Fish and Fish taw l-ewwel telfa lil Valletta Izibet fl-Ewwel Diviżjoni, liema telfa kienet determinanti biex Marsaskala temmew il-kampjonat fl-ewwel post minħabba konfront dirett superjuri.

B’hekk fis-semifinali, Marsaskala jilagħbu kontra Marsaxlokk u Valletta jiltaqgħu kontra Ta’ Xbiex, bl-ewwel tnejn klassifikati jibdew il-play-offs rebħa bogħod mill-finali.

Gerald Sammut u Kyle Navarro taw vantaġġ doppju lil Marsaskala fl-ewwel sessjoni. Marsaskala baqgħu fil-kmand tal-logħba fit-tieni sessjoni u tefgħu lil Valletta f’pożizzjoni li jiġru wara l-logħba. Iżda l-Beltin baqgħu fil-logħba hekk kif wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet li Marsaskala sabu x-xibka.

Il-logħba kienet għadha miftuħa għal kull riżultat fl-aħħar sessjoni. Valletta ma rnexxielhomx jgħollu l-livell tal-prestazzjoni tagħhom u kienu traskurati quddiem il-lasta. Gerald Sammut għalaq il-logħba minn kontrattakk u Mark Carani ssiġilla r-rebħa fl-aħħar sekondi.

Valletta: B. Busuttil, N. Farrugia, M. Pace, L. Hyzler, S. Busuttil, Z. Micallef, D. Paolella, J. Culic, S. Micallef, A. Agius, K. Galea, K. Cremona, A. Bugeja, L. Felice, R. Attard

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli, P. Privitera, R. Greco, G. Galea, K. Navarro, M. Manara, D. Pace Lupi, G. Sammut, J. Ciantar, M. Carani, A. Muscat, F. Scardino, L. Falzon

Referees: Danilo Mazzoccoli, Neville Mercieca