L-Ingilterra huma ċ-Champions il-ġodda wara li għelbu lill-Ġermanja f’Wembley fil-ħin barrani. L-Ingilterra, meritatament, huma ċ-Champions il-ġodda tal-Ewropa grazzi għal rebħa missielta kontra l-Ġermanja f’Wembley Stadium. Rebħa li waslet fil-ħin barrani grazzi għall-opportuniżmu tas-sostitut Chloe Kelly li skurjat il-gowl deċiżiv wara li l-ħin regolamentari kien intemm bl-iskor ta’ 1-1. Din hi rebħba storika għall-Ingilterra kontra avversarju iebes li kien champion Ewropew għal tmien darbiet u meta s-suċċess hu anki l-ewwel wieħed għan-nisa Ingliżi f’tournament ta’ prestiġju. Ir-rebħa hi wkoll memorabbli għaliex il-Ġermaniżi qatt qabel ma kienu tilfu finali tal-Kampjonati Ewropej tan-Nisa u l-lejla bir-raġun għandha titqies fost l-aqwa mumenti għall-Isport Ingliż.
L-Ingliżi ħarġu tajjeb fl-ewwel ħinijiet iżda maż-żmien il-Ġermaniżi bdew jikkontrollaw nofs il-grawnd u bl-Ingilterra jibbażaw il-logħba tagħhom fuq il-kontra-attakki veloċi, fejn Alessia Russo kienet ta’ xewka kontinwa għal-Ġermanja. Intant, u minkejja li l-azzjonijiet fl-ewwel 45 minuta ma naqsux, iż-żewġ difiżi rnexxielhom irażżnu kull tentattiv mill-avversarji sal-mistrieħ.
Fit-tieni taqsima, l-Ingilterra żblukkat ir-riżultat minn Ella Toone, li wkoll daħlet tilgħab bħala sostitut u li fit-62 minuta skurjat bi ġmiel ta’ ‘lob’ li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Frohms.Iżda l-Ġermaniżi rreaġew bi qlubija waqt li urew l-esperjenza tagħhom fl-aktar mumenti delikati, b’Lina Magull tagħmel l-iskor 1-1 bi flick mill-viċin, għaxar minuti mit-tmiem.L-iskor ma nbidilx sa tmiem il-ħin regolamentari, b’dawn l-avversarji tradizzjonali, bla dubju l-aħjar żewġ timijiet tat-tournament, jippreparaw għall-ħin barrani fost it-tensjoni li bdiet tinħass madwar Wembley.
Il-Ġermanja kienu l-aktar tim pożittiv fl-ewwel minuti tal-ħin barrani iżda d-difiża tal-Ingliżi mmexxija minn Bronze u Williamson żammet sod għall-inkursjonijiet perikolużi tal-attakkanti Ġermaniżi – biż-żewġ tims joqgħodu attenti biex ma jagħmlu l-ebda żball fatali f’ħin daqshekk importanti tal-logħba. Iżda l-mument drammatiku kien fl-ajru u wasal meta Chloe Kelly (110) approfittat minn taħwida quddiem il-lasta ta’ Frohms biex xeħtet ġewwa mill-viċin, b’dan il-gowl jitfa’ lil sħabha f’dellirju ta’ ferħ, l-istess bħall-eluf tal-partitarji Ingliżi f’kull rokna ta’ Wembley Stadium. Kien hemm ukoll xi mumenti ta’ inċertezza għal Kelly li kellha tistenna biex il-gowl ikun ikkonvalidat, iżda r-referi Kateryna Monzul ma ħalliet l-ebda dubju meta ppuntat lejn is-centre circle fost ix-xeni ta’ ċelebrazzjoni tat-tim bil-flokkijiet bojod.
Is-suċċess għan-nisa Ingliżi kellu jasal proprju 56 sena wara li t-tim nazzjonali tal-irġiel kien għeleb lill-Ġermanja tal-Punent 4-2 ( ukoll wara l-ħin barrani) fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-1966 f’Wembley Stadium – u li sal-lum kien l-uniku unur kbir fil-futbol internazzjonali li qatt intrebaħ minn xi ‘senior team’ tal-Ingilterra.
//= $special ?>