Numru kbir ta’ Taljani jinsabu mgħaddbin għal att xokkanti li seħħ fi tmiem il-ġimgħa u li fih tilef ħajtu immigrant Niġerjan li spiċċa attakkat u maqtul fil-preżenza tan-nies li kienu fiċ-ċentru tal-belt ta’ Civitanova Marche.
Iċ-ċirkustanzi tal-inċident baqgħu mhumiex ċari, bl-awtoritajiet qed jinvestigaw l-assalt fuq in-Niġerjan li kien ibiegħ l-oġġetti fit-toroq u li spiċċa l-vittma ta’ raġel ieħor li aggredih mingħajr l-iċken każ tan-nies fl-inħawi.
L-attakk seħħ fid-dawl tax-xemx u forsi l-aktar element xokkanti hu l-fatt li n-nies fl-inħawi fl-ebda ħin ma pruvaw jintervjenu biex isalvaw lill-vittma – raġel miżżewweġ u missier ta’ żewġt itfal. Dan waqt li wħud fost in-nies preżenti anki ġibdu l-filmati tal-attakk permezz tat-telefons ċellulari.
Il-filmati juru biċ-ċar lill-aggressur – raġel ta’ karnaġġjon abjad – qed iżomm lin-Niġerjan mal-art u sakemm talaħħar spiċċa mejjet fuq il-post.
Intant, il-pulizija qed iżżomm raġel ta’ 32 sena li qed jgħin fl-investigazzjonijiet – u bir-rapporti jgħidu li r-raġel x’aktarx li se jkun mixli dwar attentat ta’ serq u omiċidju.
Il-video tal-attakk qed ikun iċċirkolat mill-media Taljana, bl-osservaturi u analisti jikkummentaw dwar ‘l-indifferenza tan-nies fuq il-post tar-reat’.
L-attakk kien anki kkundannat mill-politiċi fl-Italja, b’mijiet ta’ nies mill-komunità lokali tan-Niġerjani jieħdu sehem f’dimostrazzjoni f’Civitanova Marche ( fir-reġjun ta’ Marche) fejn insistew li ssir il-ġustizzja mal-kompatrijott maqtul.
//= $special ?>

