Sport Waterpolo

Jovan Popovic jitneħħa mill-kariga … Dorian Pisani minfloku kowċ ta’ Neptunes

(Ritratt: Joseph Galea)

Artiklu: Stewart Said

It-telfa tas-Sibt filgħaxija kontra San Ġiljan swiet qares għal Jovan Popovic hekk kif tneħħa minn kowċ ta’ Neptunes. Id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa tal-kumitat li saret dalgħodu. Popovic li għandu 48 sena, inħatar kowċ ta’ Neptunes lura f’Jannar tal-2018 u kompla t-triq ta’ suċċessi tal-klabb tal-Balluta.

Fl-erba’ snin u nofs li mexxa lit-tim, Popovic għen lil Neptunes jirbħu l-Kampjonat tas-Sajf tliet darbiet fl-2018, fl-2019 u fl-2021, darba n-knock-out fl-2019, il-Kampjonat tax-Xitwa fl-2019, it-Tazza tal-President fl-2019 u l-Enemed Cup fl-2021 għal total ta’ seba’ unuri.

Is-suċċessur tiegħu hu Dorian Pisani, persuna familjari ma’ Neptunes hekk kif lagħab magħhom fil-karriera tiegħu ta’ plejer fis-snin 80 u 90 kif ukoll kien kowċ tat-timijiet iż-żgħar. Hu laħaq ftehim b’kuntratt sa tmiem is-sena d-dieħla. Pisani ġej minn suċċess riċenti bħala kowċ u żgur li l-mentalità tiegħu se tgħin lil Neptunes f’dan il-mument kruċjali tal-istaġun.

Hu mexxa lil Marsaskala għar-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni u n-knock-out fl-2019 u f’Ottubru tal-istess sena, tħabbar bħala kowċ ta’ San Ġiljan. Mal-Ġiljaniżi rebaħ il-Kampjonat tas-Sajf fl-2020 u n-knock-out darbtejn. F’April ta’ din is-sena, Pisani kien ħasad ftit il-waterpolo lokali meta rriżenja għal dawk li sejjaħ bħala raġunijiet personali.

L-ewwel impenn ta’ Pisani se jkun proprju kontra l-eks tim tiegħu hekk kif nhar l-Erbgħa, Neptunes jiltaqgħu kontra San Ġiljan fil-finali tan-knock-out. Fil-kampjonat, Neptunes jinsabu fis-semifinali tal-play-offs. Huma jilagħbu kontra Sliema fuq l-aqwa minn tliet logħbiet, b’Neptunes jinabu 1-0 minn fuq.