Lokali

Kumpanija tal-mara ta’ Keith Schembri rċeviet eluf ta’ ewro m’għand Vitals u Steward

Rapporti qed jindikaw li kumpanija tal-mara ta’ Keith Schembri – l-eks Chief of Staff f’Kastilja – irċeviet eluf ta’ ewro f’pagamenti li saru minn Vitals u Steward.

L-allegazzjonijiet serji li hargu fis-Sunday Times jindikaw li 3City Design li hija kumpanija tal-interior design, intużat bħala parti minn skema ta’ ħasil ta’ flus sabiex allegatament ikunu trasferiti ammont sostanzjali ta’ flus bejn entitatjiet differenti.

Dokumenti li waslu għand it-Times żvelaw li din il-kumpanija ta’ Josette Schembri bdiet tirċievi pagamenti fl-istess żmien meta bdew it-taħdidiet ma’ Steward Healthcare sabiex jieħdu taħt idejhom it-tmexxija tat-tliet sptarijiet mingħand il-Vitals.

F’Novembru tal-2017, meta Vitals kienet waslet f’kollass finanzjarju, kienu trasferiti €45,000 lil 3City Design. Pagament li kellu jkun investit f’parkeġġ fil-Pieta, b’sorsi interni jgħidu li ma setgħux jifhmu għala Vitals ħallset dawn il-flejjes kollha lil din il-kumpanija b’konnessjoni ma’ dan il-parkeġġ.

Xahrejn qabel, FSV Limited, li hija kumpanija oħra tal-mara ta’ Keith Schembri, iffirmat ftehim ta’ sentejn ma’ Vitals, b’renta ta’ €2,400 fix-xahar għal proprjeta f’Pendergardens.

L-ewwel erba’ xhur pagamenti li jammontaw għal €9,600 kienu trasferiti lil 3City Design mingħand Bluestone Investemens – li wieħed mid-Direttur tagħha kien Ram Tumuluri.

Il-Ħadd li għadda fis-Sunday Times of Malta ġie żvelat li bejn l-2016 u l-2018 Vitals Global Healthcare trasfirixxew mal-€21 miljun lill din il-kumpanija Maltija.

Wara li Steward ħadu t-tmexxija tat-tliet sptarijiet taħt idejhom, baqa’ għaddej il-ħlas lil 3City Design għal disa’ xhur oħra… B’total ta’ €21,600  ikunu trasferiti lil din il-kumpanija matul dan il-perjodu. Il-pagamenti waqfu ħesrem f’Ottubru tal-2018, sena qabel ma kellu jintemm il-kuntratt inizjali ta’ kera.

F’Settembru tas-sena li għaddiet, Josette Schembri kienet akkużata b’ħasil ta’ flus fl-irwol tagħha ta’ Direttriċi ta’ 3City Design… liema ammont ilaħħaq  €1.5 miljun.