Lokali

Kunċert mużikali fil-Ħamrun b’risq Puttinu Cares

Bħalissa l-preparamenti għaddejjijn ġmielhom hekk kif ilejla ser jittella kunċert mużikali fil-Ħamrun b’risq Puttinu Cares, ġimgħa biss il-bogħod mill-festa tal-patrun tal-Ħamruniżi, San Gejtanu.

Dan il-Kunċert imtella’ mill-każin Soċjeta Mużikali ta’ San Ġużepp fil-Ħamrun, ser jibda għal-ħabta tat-8pm u d-dħul se jkun b’xejn għal kulħadd.

F’dan il-kunċert ser jieħdu sehem il-Versatile Brass Band taħt id-direzzjoni tas-Surmast Paul Borg filwaqt li ser ikunu involuti wkoll uħud mill-aqwa kantanti lokali fosthom, J Avil, Franklin Calleja, Martina Borg, Kantera, Brooke Borg, Glen Vella, Kevin Paul Calleja, Kurt Calleja, Aidan, Sarah Bonnici, Janice Azzopardi, Tiziana Calleja, Victoria Sciberras u Ozzy Lino.

Dan il-Kunċert mistenni jingħalaq bil-prestrazzjoni tad-DJ lokali Carlo Gerada.

Il-membri tal-każin Soċjeta Mużikali ta’ San Ġużepp qalu li l-idea ta’ dan il-kunċert feġġet minn grupp ta’ żgħażagħ li riedu jagħtu appoġġ lill-pazjenti li bħalissa qegħdin jirċievi l-kura għall-marda tal-kanċer.  Filfatt, dan il-kunċert ser iservi bħala attività oħra ta’ ġbir ta’ fondi biex Puttinu Cares tkun tista’ tkompli bil-proġett tagħha għall-binja residenzjali għall-pazjenti f’Londra.

Il-membri tal-każin Soċjeta Mużikali ta’ San Ġużepp isostnu li dan mhuwiex spettaklu għan-nies tal-Ħamrun biss iżda għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.