L-Armata tar-Russja, fl-aħħar sigħat, fetħet bumbardament bla heda fuq il-belt ta’ Mykolaiv, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna, bl-azzjoni tħalli qerda sħiħa f’kumpless ta’ lukanda, kumpless sportiv, numru ta’ skejjel u stabbiliment li jipprovdi s-servizzi lill-vetturi.
Il-balal u l-missili li niżlu fuq Mykolaiv wettqu wkoll il-ħsarat f’numru ta’ djar, bl-awtoritajiet lokali jgħidu li l-bumbardament x’aktarx kien ‘l-aktar wieħed qawwi għal kull żmien’. Dan fost indikazzjonijiet li r-Russi mhumiex iżommu lura mill-‘kampanja ta’ terrur’ fuq il-poplu Ukren.
Il-belt ta’ Mykolaiv tinsab fir-rotta ewlenija lejn il-port ta’ Odessa u mhux eskluż li r-Russi qed jinsistu bl-attakki bil-ħsieb li jikkumplikaw il-movimenti tal-Ukreni f’dik iz-zona.
Il-bumbardamenti inkwistjoni, sadanittant, swew l-ħajja ta’ Oleksiy Vadatursky – wieħed mill-akbar sinjuruni fl-Ukrajna – u ta’ martu, b’dan jikkonfermawh l-awtoritajiet Ukreni.
L-attakki tar-Russi ma kenux riservati biss għan-nofsinar tal-Ukrajna, bl-Armata tal-Kremlin anki tispara baraxx ta’ missili fuq Kharkiv – it-tieni l-akbar belt Ukrena lejn it-Tramuntana. Ir-rapporti mill-inħawi qalu li numru ta’ missili laqtu skola bir-riżultat li qerdu l-kumpless ewlieni tal-bini.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, sadanittant wissa liċ-ċivili li għadhom qed jgħixu fir-reġjun ta’ Donetsk biex jevakwaw ‘u jsalvaw ħajjithom’. Ir-reġjun ta’ Donetsk għandu preżenza qawwija ta’ separatisti armati li qed jappoġġjaw lir-Russja u din it-twissija kienet intiża għaċ-ċivili li għandhom ir-residenzi qalb iz-zoni li għadhom ikkontrollati mill-Ukrajna,.
Fl-aħħar jiem kien hemm sensiela ta’ battalji ħorox għall-kontroll ta’ Donetsk, bil-qawwiet Russi – li kkonsolidaw il-preżenza tagħhom f’diversi bnadi tar-reġjun – qegħdin javvanzaw, bil-mod, lejn l-artijiet li għadhom f’idejn is-suldati Ukreni.
Volodymyr Zelensky qal li aktar ma jitilqu ċivili mir-reġjun ta’ Donetsk ‘anqas ir-Russi se jsibu n-nies biex joqtlu’. Dan meta l-Gvern Ukren qed jagħmel minn kollox biex isalva l-massimu possibbli ta’ ċivili fl-artijiet ta’ Donetsk, b’Zelensky jaħlef li ‘hu u l-awtoritajiet Ukreni se jistinkaw biex jillimitaw il-kampanja terroristika tar-Russja’.
//= $special ?>

