Sport Sport Ieħor

Ċikliżmu: Van Vleuten tirbaħ it-Tour tan-nisa għall-ewwel darba

(Ritratt:EPA)

Iċ-ċiklista veterana Annemiek van Vleuten rebħet it-Tour de France għall-ewwel darba fil-karriera tagħha. Van Vleuten li għandha 39 sena aċċertat mir-rebħa tat-Tour meta rebħet l-aħħar tappa tal-bieraħ, li kienet ukoll it-tmien tappa ta’ dan it-Tour. Hija rebħet b’vantaġġ ta’ 30 sekonda fuq l-Olandiża Demi Vollering u t-Taljana Silvia Persico.

Fil-klassifika finali l-Olandiża Van Vletuen rebħet b’vantaġġ ta’ tliet minuti u 48 sekonda fuq Vollering u vantaġġ ta’ sitt minuti u 35 sekonda fuq il-Pollakka Katarzyna Niewiadoma. Ir-rebħa ta’ Annemiek Van Vleuten immaturat fit-tappa ta’ qabel tal-aħħar tas-Sibt meta l-Olandiża telgħat mit-tmien post biex libset għall-ewwel darba l-flokk l-isfar ta’ leader.

Minkejja li għal Van Vleuten dan kien l-ewwel Tour tagħha, hi għandha sensiela ta’ rebħiet f’karriera brillanti, fosthom tliet darbiet il-Giro d’Italia, midalja tad-deheb fl-olimpijadi u żewġ midalji tad-deheb fil-kampjonati tad-dinja.

Sitt snin ilu l-karriera tagħha kienet f’riskju li tintemm meta fl-Olimpijadi ta’ Rio kellha inċident fejn kellha ksur f’wieħed mill-irkiekel ta’ daharha, fejn kellha tinżamm fil-kura intensiva.