Lokali

George Degiorgio lest li jifxef iktar dwar il-persuni involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

F’riproduzzjoni li saret mit-Times tal-podcast bl-isem ‘Who Killed Daphne’, il-ġurnalist tar-Reuters Stephen Gray tkellem direttament ma’ George Degiorgio …illi bla tlaqliq jgħid illi huwa determinat li miegħu iniżżel lil persuni oħra li kienu involuti fl-assassinju ta’ Caruana Galizia.

George Degiorgio stqarr li fl-2015 kien tħallas depożitu minn persuni prominenti ferm fil-politika għal kuntratt separat biex tinqatel Caruana Galizia.

F’din il-podcast, Degiorgio jitkellem dwar il-laqgħa li kellu ma’ dan il-politiku fejn fost l-oħrajn qallu xi jrid jagħmel u kemm se jkun qed jitħallas… liema ħlas inizjali kellu jkun ta’ €150,000. L-istess ammont kien issemma għall-pjan tal-2017 li eventwalment wassal għall-karozza bomba li qatlet lil Daphne.

Skont dak li kien xehed il-middleman Melvin Theuma, Alfred Degiorgio kien avviċinat separatament sabiex joqtol lil Daphne Caruana Galizia…allegatament, fuq ordni ta’ Yorgen Fenech. B’Fenech, li kien arrestat fl-2019, jiċħad dan kollu.

Il-ġurnalist tar-Reuters Stephen Gray saqsih jekk kienx lest li jixhed u jikxef dak li jaf…. b’Degiorgio jinsinwa li l-Pulizija ma jridux jinterrogawh biex ma jikxifhomx li qed jipproteġu lil ċerti persuni involuti.

Iżda minkejja dan kollu, George Degiorgio huwa determinat li jsemmi iktar persuni li kienu involuti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.