Lokali Qorti

“Ibża’ minn dawk ta’ ġewwa” – Messaġġ li skont Melvin Theuma kien wassallu George Degiorgio permezz ta’ ħuh Mario

Melvin Theuma, il-middleman li huwa stess ammetta l-involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qal fil-Qorti kif wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, George Degiorgio, darba kien wassallu messaġġ kiesaħ u biered, permezz ta’ ħuh Mario, li kien jgħid, ‘”ibża’ minn dawk li jinsabu “fuq ġewwa.”

Theuma kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech hekk kif it-Tnejn komplew il-proċeduri kriminali kontra Mario Degiorgio, li l-akbar fost l-aħwa tal-allegati qattilela ta’ Caruana Galizia, George u Alfred. Mario kien tressaq il-Qorti il-ġimgħa li għaddiet, fejn qed iwieġeb mhux ħati ta’ akkużi ta’ ħasil ta’ flus u rikatt.

Ix-xhud fakkar minn fuq il-pedana tax-xhieda kif darba George Degiorgio kien wassallu messaġġ permezz ta’ ħuh, fejn qallu biex “ibza’ mhux minn ta’ barra imma minn ta’ gewwa.” Theuma qal li wara li rċieva l-messaġġ kien ħass li kien dahru mal-ħajt.

“Bqajt ngħaddi dak kollu li talabni Mario sal-aħħar, sal-ħin tal-arrest tiegħi. Ħassejtni rikattat,” huwa qal. Theuma saħaq fil-Qorti li hu qatt ma żvela r-rwol tiegħu ta’ middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma’ Mario Degiorgio, iżda kien għaddielu l-flus għal ħutu fil-ħabs f’isem l-allegat awtur fil-qtil, Yorgen Fenech.

Theuma qal li kien għamel hekk għax ħassu mhedded. Ix-xhud saħaq ukoll li hu qatt ma semma l-involviment ta’ Yorgen Fenech mal-akkużat. Theuma xehed li wara l-qtil, qatt ma sema’ mill-allegati qattirela sal-arrest tagħhom, xahrejn wara.

Wara li l-aħwa Degiorgio tressqu il-Qorti, huwa kien beda jibgħatilhom flus u ikel waqt li kienu qed jinżammu taħt arrest preventiv. Inizjalment dan sar permezz ta’ terza persuna magħrufa bħala “il-Lolly,” qal Theuma, iżda żied jgħid li aktar ma għadda ż-żmien, sar jaf lil ħu l-aħwa Degiorgio, Mario, li beda jgħaddi messaġġi minn ħutu fil-ħabs. .

Mistoqsi fil-qorti jekk Mario kienx jaf bir-rwol tiegħu bħala middleman fil-qtil, Theuma wieġeb, li hu “qatt ma ammetta li jien kont il-middleman.” Mario Degiorgio kien jagħmel talbiet regolari għal flus biex iħallsu għall-ispejjeż tal-edukazzjoni tat-tfal ta’ George Degiorgio, ħlasijiet ta’ assigurazzjoni, ħlasijiet legali kif ukoll spejjeż oħra ta’ kuljum għall-allegati qattiela u l-familji tagħhom, qal Theuma.

Il-laqgħat ma’ Mario Degiorgio kienu jsiru ġewwa l-karozza tiegħu fi Pjazza Magri, il-Marsa jew id-dar ta’ Degiorgio fil-Marsa. Mistoqsi mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech jekk Mario Degiorgioe kienx jaf li l-flus kienu ġejjin mill-allegat moħħ wara l-qtil, Theuma qal li “kien jassumi.”

Theuma qal li kien iħallas ukoll madwar €200 kull ġimgħa – €100 għal kull wieħed mill-aħwa – minn butu, minbarra l-€2,500 li kien jirċievi mingħand Fenech. €60,000 oħra biex ikopru garanziji potenzjali ta’ pleġġ flimkien ma’ madwar €70,000 għall-avukat tal-aħwa Degiorgio, William Cuschieri ġew ukoll rilaxxati mix-xhud.

Mario Degiorgio kien jipprovdi lil Theuma rċevuti mill-irġiel fil-ħabs li Theuma, xi drabi, kien jgħaddi lil Fenech biex jurih fejn kienu sejrin flusu. “Spiċċajt b’dahri mal-ħajt tant li tajthom kulma talbu,” qal Theuma lill-qorti. “Imma xi ħadd qallek xi ħaġa?” staqsiet l-Maġistrat.

Theuma wieġeb li George Degiorgio darba kien wassallu messaġġ permezz ta’ ħuh, fejn qallu, “Ibża’ minn ġewwa mhux minn barra. Dan kien wassal liluy jħossu saħansitra aktar imkisser, qal Theuma, filwaqt li żied li “ħassu rikattat.” L-Ispettur Lianne Bonello kienet kontro-eżaminata wkoll mill-avukati ta’ Mario Degiorgio, li qalet lill-Qorti li Theuma qal lill-pulizija li baqa’ jagħmel pagamenti lil Mario Degiorgio għax kien jibża’ li se jiġi tradut.

Meta wieġbet mistoqsija tad-difiża mill-avukat William Cuschieri, hija qalet li Mario Degiorgio irċieva kelb “Chow Chow” bi tpattija għas-servizzi tiegħu, u spjegat li Theuma sostna li ta madwar €5,000 għall-kelb li l-akkużat kien xtara miċ-Ċina.

L-investigaturi tal-Pulizija kienu kkorroboraw din l-informazzjoni, billi nttraċċaw tliet depożiti bankarji li saru minn Mario Degiorgio lil persuna fiċ-Ċina għal dan ix-xiri. Ir-rekords tal-ħabs urew li l-akkużat kien għadda xi €25,000 lil ħutu, żiedet tgħid l-ispettur, filwaqt li esebixxit l-karti tad-depożitu fil-qorti.

Bonello żiedet tgħid li fid-dawl tal-fatt li Mario Degiorgio kien pensjonant u kien ħadem l-aħħar fl-2004, qatt ma seta’ jipprovdi dawk l-ammonti mill-fondi tiegħu stess. Il-Qorti ngħatat ukoll lista ta’ oġġetti maqbuda mir-residenza tal-akkużat meta Degiorgio u martu ġew arrestati.

L-oġġetti maqbuda jinkludu €8,050 fi flus kontanti, iċ-ċertifikat tal-pedigree tal-kelb u numru kbir ta’ CDs li l-kontenut tagħhom kien għadu mhux magħruf. Il-Maġistrat irrimarkat li l-pulizija kellha d-dmir li tippreżenta biss esebiti rilevanti, u qalet lill-ispettur li l-qorti ma tittollerax aktar li tintuża bħala filtru.

Dak kien xogħol il-pulizija, qalet il-Maġistrat. Meta ġie spjegat li l-pulizija ma kellhomx ħaddiema biex jgħarblu l-provi li jinsabu f’dawk is-CDs, il-maġistrat saħqet li dan fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta fi spejjeż ogħla tal-qorti li jitħallsu mit-taxpayer.

Talba għal libertà proviżorja mressqa minn Mario Degiorgio għandha tibqa’ pendenti sakemm xhieda ċivili oħra jagħtu x-xhieda tagħhom fis-seduta li jmiss. L-Ispetturi Lianne Bonello u Christopher Ellul mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati Francesco Refalo u Marthese Grech mill-Uffiċċju tal-AG. L-avukati William Cuschieri u Lennox Vella huma avukati difensuri. L-avukati Kathleen Calleja Grima u Matthew Brincat assistew lil Theuma.