Il-pumpieri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellhom jużaw mal-250,000 litru ilma biex tfew in-nar li żviluppa lbieraħ fiz-zona industrijali ta’ Kordin. Dan apparti li intużaw 2,500 litru ta’ foam.
Jassistu lis-CPD f’din il-ħidma ta’ emerġenza kien hemm uffiċjali tal-Pulizija, tobba u infermieri mill-emerġenza, uffiċjali ta’ Transport Malta, membri tas-St John Resuce Corps kif ukoll volontieri u l-Emergency Fire and Rescue Unit.
In-nar żviluppa għall-ħabta tas-1:30pm f’zona magħluqa fejn kien hemm numru ta’ vetturi.
Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’dawn in-nirien.
Il-Maġistrat tal-Għassa, Noel Bartolo, qed imexxi inkjesta dwar dan il-każ, waqt li l-Pulizija għaddejin bl-investigazzjonijiet.