Aktar kmieni matul il-jum, infetħu l-applikazzjonijiet għat-tielet edizzjoni tal-festival Mużika Mużika li ser isir bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu 2023.
Is-sottomissjonijiet għal Mużika Mużika 2023 jistgħu jsiru kemm online fuq is-sit www.muzikamuzika.mt, kif
ukoll bl-idejn fl-uffiċini ta’ Festivals Malta, il-Furjana.
Il-premijiet ta’ Mużika Mużika 2023 ser ikunu ta’ €20,000 għall-ewwel post, €10,000 għat-tieni post u €5,000
għat-tielet post.
Sadanittant tnieda wkoll il-video mużikali tal-kanzunetta rebbieħa ta’ Mużika Mużika 2022, ‘Bla Tarf’, interpretata minn
Kurt Calleja, fuq kitba tiegħu stess u kompożizzjoni ta’ Kurt Calleja, Aleandro Spiteri Monsigneur u Peter Borg, li tirrakkonta storja ta’ koppja li ssuperat kull ostaklu. Il-video mużikali interpreta din l-istorja u ġie miġbud minn
tim ta’ professjonisti.
Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja faħħar lit-tim tal-produzzjoni tal-video mużikali, li għal darb’oħra laħaq livelli tal-għola kwalità. Hu kompla billi esprima x-xewqa tiegħu li għall-edizzjoni li ġejja, Mużika Mużika jkompli jilħaq ġeneri mużikali aktar diversi.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra tkellem fuq l-importanza ta’ Mużika Mużika kemm għal Festivals Malta kif ukoll għall-lingwa Maltija. Is-Sur Zahra kompla jgħid, “Aħna ser nikkommettu ruħna li għal darb’oħra nipproduċu festival tal-għola livell, kemm għall-kantanti, il-kompożituri u l-awturi li ser jieħdu sehem, kif ukoll għall-udjenzi tagħna. Ninsab ċert li l-edizzjoni tal-2023 ser tkun ta’ suċċess bħall-edizzjonijiet preċedenti.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, faħħret il-produzzjoni tal-vidjow mużikali filwaqt
li rringrazzjat lil dawk kollha involuti.