Issa li l-Gvern għandu f’idejh il-konklużjonijet tal-Inkjesta mill-Imħallef Geoffrey Valenzia dwar l-għajbien ta’ Carmelo Fino mir-Residenza San Vincenz de Paule, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex minnufih jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa ħalli jassigura li l-anzjani f’San Vinċenz ikunu verament trattati b’rispett u b’dinjità.
Hekk qal il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputati Paula Mifsud Bonnici, David Agius u Ivan Castillo.
L-anzjani f’San Vinċenz m’għandhomx ikunu trattati qishom xi priġunieri u r-rimedju għan-nuqqasijiet li jeżistu fir-Residenza ma jissolvewx billi timla’ s-swali kollha b’membri ta’ sigurtà u bi strutturi li jagħlqu kull aċċessibilità. Kull anzjan għandu d-dritt ta’ moviment u l-anzjan li mhux f’kundizzjoni li jiddeċiedi waħdu għandu jkollu dan id-dritt ukoll bl-assistenza meħtieġa.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif il-Gvern irreaġixxa billi tefa’ l-ħtija kollha fuq l-impjegati. Għalhekk, jemmen li kull min naqas għandu jerfa’ r-responsabbilità, fosthom il-Gvern, li issa ilu xhur twal jinjora t-talbiet kollha li kellu mill-MUMN biex iżid il-ħaddiema f’San Vinċenz.
Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li jekk irid verament jipprovdi kwalità ta’ ħajja tajba lill-anzjani, il-Gvern irid jinvesti aktar fil-ħaddiema tiegħu u jagħtihom ukoll it-taħriġ u l-għodda kollu meħtieġa ħalli jkunu jistghu jipprovdu kwalità eċċellenti ta’ kura.
Għandu jagħmel dan mingħajr aktar dewmien għax l-anzjani u l-ħaddiema, li l-maġġoranza tagħhom jaħdmu sigħat twal b’imħabba kbira lejn l-anzjani, jixirqilhom ħafna u ħafna aħjar.
//= $special ?>