Lokali

“L-għajbien ta’ Fino tort ta’ traskuraġni mill-ħaddiema” – l-inkjesta

L-għajbien ta’ Charlie Fino minn San Vinċenz de Paule kienet tort ta’ traskuraġni minn naħa tal-ħaddiema li kienu xogħol bil-lejl fis-sala tiegħu, kif ukoll tort tal-uffiċjali tas-sigurta li kienu għassa mal-grada ta’ barra.

Hekk ikkonkluda l-eks imħallef Geoffrey Valenzia li kien imqabbad biex imexxi l-inkjesta sabiex ikun determinat x’wassal biex l-anzjan ta’ 83 sena jogħsfor mir-residenza fit-28 ta’ Ġunju u baqa’ ma reġax deher.

L-inkjesta tgħid li l-ħaddiema tax-shift ta’ bil-lejl dakinhar li sparixxa Fino, meta mistoqsija dwaru hekk kif persuni oħra nnutaw li l-anzjan ma kienx fis-sala tiegħu, qalu li kienu raw lil Fino fis-sala fis-5.45am.

Madankollu, filmati tas-CCTV urew lir-raġel ħiereġ mill-bieb prinċipalili li kien tħalla miftuħ.  Ħadd mill-ħaddiema tas-sigurtà ma kien preżenti biex iwaqqfuh.

Filmati oħra juru lil Fino miexi qrib supermarket prinċipali li hemm f’Ħal Luqa fit 3.17am.

Minbarra n-nuqqas minn naħa ta’ dawk li kienu responsabbli mis-sala li jwaqqfu lir-raġel milli joħroġ f’nofs ta’ lejl, l-eks imħallef qal li huma żvijaw lil min kien qed jinvestiga fl-ewwel mumenti tal-investigazzjoni  meta qalu li sas-5.45am Fino kien għadu fir-residenza.

B’Valenzia jikkonkludi li dan seta’ wassal biex Fino kompla jitbiegħed mill-faċilità hekk kif inħela aktar ħin.

Wara l-għajbien ta’ Fino, fir-residenza ta’ San Vinċenz iddaħħlu diveri miżuri ta’ sigurtà stretta li ma niżlux tajjeb mal-anzjani kollha li ħassewhom limitati milli jiċċaqalqu mill-kmamar tagħhom. Bi qraba jgħidu li issa marru f’estrem ieħor.

Meta ddaħħlu dawn il-miżuri, i-Ministru responsabbli Jo Etienne Abela qal li dawn se jibqgħu fis-seħħ biss sakemm tkun konkluża l-inkjesta.

Fi stqarrija, il-Ministru qal li l-inkjesta qed titlob fost l-oħrajn li jkun hemm skrutinju aħjar għall-impjegati prospettivi.