Il-fruntieri ta’ New Zealand huma kompletament miftuħin għall-ewwel darba minn Marzu tal-2020 – u wara li l-pajjiż kien ilu magħluq għal dan iż-żmien kollu biex jevita l-agħar impatt tal-pandemija tal-Covid-19.
L-awtoritajiet responsabbli mill-immigrazzjoni, issa, se jibdew jaċċettaw mill-ġdid il-viżitaturi bil-visa u liż-żgħażagħ bil-visas tal-istudenti.
Il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern fissret l-iżvilupp bħala ‘mument kbir għall-pajjiż’ iżda qalet ukoll li l-ftuh ta’ New Zealand hu anki parti minn ‘proċess li jibbaża fuq il-kawtela’.
It-turisti li jivvjaġġaw lejn New Zealand iridu jkunu ngħataw il-vaċċinazzjoni sħiħa għal kontra l-Covid iżda l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż mhumiex se jimponu aktar il-kriterji għall-kwarantina.
Infetħet anki l-fruntiera marittima ta’ New Zealand, bil-vapuri tal-cruises u l-jottijiet tal-barranin jistgħu jitfgħu l-ankri mill-ġdid fil-portijiet tal-pajjiż.
New Zealand kien ħabbar l-ewwel pjan biex jinfetaħ mill-ġdid lill barranin fi Frar li għadda.
Sadanittant, Jacinda Ardern,waqt diskors f’Auckland, qalet li ‘l-għeluq implimentat ( f’pajjiżha) għen biex, l-istess bħall-miżuri ta’ pajjiżi oħra, jillimita l-firxa globali tal-pandemija filwaqt li jżomm lill-poplu sikur kemm jista’ ikun’.
//= $special ?>

