Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa wara li hedded uffiċjali tal-Pulizija fil-festa ta’ San Pawl il-Baħar

Raġel ta’ 55 sena li jmexxi snack bar ġie kundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin u mmultat elf ewro mill-Maġistrat Lara Lanfranco wara li ammetta li fil-festa ta’ San Pawl il-Baħar nhar l-Ħadd li għadda nġurja u hedded lill-Ispettur Gabria Gatt, Surġent u Kuntistabbli tal-Pulizija.

Carmel Attard residenti San Pawl il-Baħar stess u li tressaq il-Qorti t-Tnejn wara nofs inhar f’għeluq sninu mixli li għall-ħabta tas-2.30pm. waqt li kien fis-sakra hedded lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt li kienu qegħdin jaqdu dmirhom. L-Ispettur Matthew Galea fil-Qorti li Attard ammetta waqt l-istqarrija tar-reati li wettaq, fatt li l-imputat stqarr fil-Qorti fejn tenna li kien qed jiddispjaċih għal dak li għamel u skużu ruħu mal-Pulizija.

Huwa ammetta wkoll li kien fis-sakra f’post pubbliku b’tali mod li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nniffsu u li waqt kien fl-Għassa tal-Qawra għall-ħabta tas-6.00pm kiser il-paċi pubblika u ma ġabx ruħu sew. Il-Qorti tagħat ċans lil Attard biex jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu, xi ħaġa li huwa kkonferma, bl-Avukat Daniel Attard li deher għalih jitlob lill-Qorti biex tmur fil-minimu tas-sentenza peress li l-imputat qatt ma kiser difrejh mal-Pulizija, xi ħaġa kkonfermata stess mill-Prosekuzzjoni.

L-Avukat difensur qal ukoll li l-klijent tiegħu għandu negozju fejn huwa jmexxi ħanut. Talab ukoll lill-Qorti biex jekk jingħata multa titħallas b’rati mensili L-Ispettur Galea qal li huwa kien se jħalli f’idejn il-Qorti f’dak li jirrigwardja l-għoti tas-sentenza. Il-Maġistrat Lanfranco qalet li minbarra sentenza sospiża hija kienet qed timmulta lill-imputat elf ewro, ftit aktar mill-minimu li huwa ta’ €800 li jridu jitħallsu fi żmien 10 xhur.