Lokali Saħħa

Terġa’ tibda titħaddem waħda mill-magni tar-radjoterapija

Reġgħet bdiet titħaddem waħda mit-tliet magni tar-radjoterapija fid-Dipartiment tal-Onkoloġija biex issa s-servizz qed jibda ġew għan-normal.

Dawn il-magni jagħtu kura indispensabbli lil persuni bil-kanċer.

Ġimgħa ilu it-tliet magni waqfu jaħdmu għal kollox.

Skont kelliem għall-kumpanija li ssupplixxiet il-magni, il-problema bdiet minn breakdown fis-sistema taċ-chillers li jintużaw biex iżommu t-temperatura fil-bunkers fejn hemm dawn il-magni f’livell kostanti.

Skont l-istess kelliem, il-kumpanija responsabbli mill-magni mhix responsabbli miċ-chillers.

Mistoqsi min hu responsabbli għas-sistema li tikkontrolla t-temperatura, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa ma tatx informazzjoni u qalet biss li dwar dan infetħet inkjesta. 

Tul dawn l-aħħar jiem, uħud minn dawk li jieħdu l-kura permezz ta’ dawn il-magni kellhom imorru Ruma biex jingħataw it-trattament li għandhom bżonn.

Issa bit-tiswija ta’ magna waħda, is-servizz reġa’ beda jingħata lil ċertu pazjenti; biex naqas ferm il-ħtieġa li pazjenti jintbagħtu barra għall-kura tagħhom.