Internazzjonali

Tewmin Brażiljani separati minn xulxin bl-għajnuna tar-‘realtà virtwali’

Irnexxa proċess uniku  intiż biex jissepara tewmin Brażiljani minn ma’ xulxin u li sar possibbli – għall-ewwel darba – bil-kunċett ta’ virtual reality.

Is-siamese twins — li jisimhom Bernardo u Arthur Lima u li għandhom tliet snin — għaddew mill-kirurġija f’Rio de Janeiro; bil-kirurgi, waqt il-proċess, jingħataw direzzjoni mingħand it-tobba fl-Isptar ta’ Great Ormond Street f’Londra.

Il-kirurgi Brażiljani u Britanniċi kienu damu x-xhur jippruvaw is-sistemi għall-aħjar forma ta’ kirurġija f’dan il-każ u fejn intużaw il-virtual reality projections tat-tewmin li bbażaw fuq is-CT scans u l-MRI scans.

Numru ta’ kirurgi anki rreferw għall-proċedura bħala ‘xi ħaġa tal-era spazjali’ u l-proċess għas-separazzjoni tat-tewmin – li kienu mwaħħlin ma’ xulxin minn rashom – kien tassew fost l-aktar ikkumplikati li qatt saru.

Il-proċess kien iffinanzjat mill-entità karitatevoli bl-isem Demini Untwined u li ppermetta biex – għall-ewwel darba – il-kirugi f’pajjiżi differenti (il-Brażil u r-Renju Unit) joperaw ‘flimkien’, bl-użu tal-headsets, f’sala tar-‘realità virtwali’ .

Sakemm il-proċedura rnexxiet, it-tewmin Bernardo u Arthur għaddew minn seba’ proċessi ta’ kirurġija li kienu jinvolvu kważi 100 membru tal-istaff mediku. Fil-fatt, l-operazzjoni finali għas-separazzjoni tat-tewmin kellha ddum aktar minn 27 siegħa.