Lokali Qorti

Bidwi mixli li ħeba d-droga fir-razzett tiegħu se jiġi ġudikat minn Maġistrat – “Ried iħallas il-mediċina għal martu”

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera iddikjarat li każ ta’ bidwi mill-Mellieħa li jinsab mixli li kkonfoffa biex jimporta u jittraffika d-droga cannabis irid jinstema’ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u mhux jgħaddi ġuri. Il-każ imur lura aktar minn 10 snin fejn allegatament Paul Cachia, li llum għandu 69 sena kien aċċetta li jaħbi d-droga fir-razzett tiegħu għax kellu bżonn il-flus biex iħallas il-kontijiet mediċi ta’ martu.

Il-Qorti qalet li kif ikkonfermat mill-prosekuzzjoni stess, xi tip ta’ droga kien hemm, u l-ammont tal-istess droga ma jirriżultax mill-atti. In-numru tal-każijiet li jiġu deċiżi mill-Qorti meta l-ammont tad-droga ma jkunx magħruf huwa relattivament minimu meta kkumparat mal-każijiet fejn id-droga tkun kwantifikata.

Il-Qorti qalet li joħroġ bic-car mill-atti processwali li l-akkużat għamel dak li għamel minħabba li kien jinsab f’qagħda finanzjarja diffiċli peress li kellu l-mara marida u anke kien jitla’ l-Ingilterra għall-kura maghha. Cachia qal fl-istqarrija tiegħu li mhux talli m’għamilx gwadan talli hu żamm ir-raża tal-cannabis fl-għalqa tiegħu, izda spiċċa f’inkwiet kbir. Il-Qorti hi tal-fhema wkoll illi l-irwol tal-akkużat kien wieħed żgħir.

Id-droga ma kinitx instabet bit-traffikanti jitolbuh il-ħlas tagħha għax għal xi raġuni sparixxiet. Fl-istqarrijiet tieghu li kien irilaxxa lill-Pulizja f’ Mejju, 2012, Paul Cachia ammetta illi hu kien ftiehem ma’ persuna – Josè “il-Ħossie” illi kellu jżommlu xi sapun tal-cannabis gewwa l-ghalqa tieghu u ta’ dan kien se jircievi €1,000 għal dan il-pjaċir.

Spjega illi “Il-Ħossie” kien mar bi ‘speed boat’ u għaddhielu borża li poġġewha ġo ħofra li hu ħaffer. Madankollu meta mar jiċċekja l-għada filgħodu, ma sab xejn. L-akkużat stqarr li kien għamel dan kollu għax kellu bżonn il-flus peress li kellu l-mara tiegħu marida.

Il-prosekuzzjoni minn naħa tagħha sostniet li din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużat innegozja fid-droga u li qabel kien għamel ftehim ieħor mal-“Ħossie” fuq 50 sapuna tal-cannabis ta’ madwar 10 kilogrammi, akkuża li Cachia dejjem ċaħad u lanqas inġiebu provi dwarha.

Fir-rikors tiegħu fejn tenna li m’għandux jgħaddi ġuri, l-akkużat tenna wkoll li hu ma kellux id-dritt li jkollu l-avukat tal-fiduċja tiegħu jassistih waqt ir-rilaxx tal-istqarrijiet pero sa illum il-ġurnata l-istqarrijiet għadhom parti mill-atti. Il-Qorti nnutat ukoll li mill-atti proċesswali jirriżulta li ma nġabet l-ebda prova tal-piż tal-cannabis jew saħansitra xi droga kien hemm fil-borża u/jew kaxxa li Joe “Il-Ħossie” kien ghadda lill-akkużat.

Fil-fatt l-Ispettur Jesmond Borg kien qal fit-12 ta’ Lulju, 2016: “Li ġara kien li din il-kaxxa jew x’kienet mal-lejl kienet insterqet, jiġifieri jekk kinitx kaxxa jew le, kemm hi kbira, kollox mid-diskrezzjoni li tawna huma ghax din il-kaxxa eventwalment qatt ma nstabet.

X’’kien fiha, x’tip ta’ droga kien fiha, kemm kien fiha, ħadd ma jaf xejn sempliċiment aħna bqajna fuq l-informazzjoni li tawna huma stess li kienet qisha daqs kaxxa taż-żraben. Dawn lanqas missewha għax kien Josè Xerri stess li tefagħha ġol-ħofra, jiġifieri lanqas jafu jekk kinitx tqila jew hafifa jew xejn.” L-Ispettur tal-Pulizija Malcolm Bondin kien qal li waqt l-interrogazzjoni Paul Cachia qal li kien avviċinat minn José min-Naxxar u talbu biex jaħbi d-droga fir-razzett tagħhom fl-Aħrax, tal-Mellieħa.

Theddid fuq il-familja tal-akkużat

Paul Cachia qal lill-pulizija li inizjalment irrifjuta t-talba, iżda wara aċċetta għax kellu bżonn il-flus. Ftit tal-ħin waqt l-investigazzjoni, wara l-ewwel interrogazzjoni, Cachia ċempel lill-pulizija biex jgħid li Xerri kien saq lejn ir-razzett tiegħu u wissieh li se “jaħsel l-art bid-demm tal-familja” jekk jgħid lill-pulizija dwar l-involviment tiegħu.

Cachia tant beża’, li ma tantx seta’ jitkellem Huwa qal ukoll lill-pulizija li d-droga sparixxiet mir-razzett u Scerri kien talab li jħallas għaliha, peress li kellu jieħu ħsiebha. L-Imħallef Scerri Herrera semmiet ukoll it-tul ta’ żmien minn fuq dan il-każ kif ukoll fuq allegazzjoni ta’ ċertu Anglu Fenech, li baqgħet tigi imċaħħda mill-akkużat.

Fenech kien xehed illi kien ma’ Xerri meta dawn waqfu Birkirkara fuq sit ta’ kostruzzjoni fejn Xerri niżel u hu baqa’ fil-karozza. Ftit tal-hin wara rritorna Xerri flimkien mal-akkużat u dan kellu f’idu xkora siment li iktar tard Fenech rah joħroġ minnha 50 sapuna tal-cannabis.

Min-naha l-oħra l-akkużat spjega illi kien għadda Xerri ħdejh meta hu kien qiegħed ibajjad f’ kamra fuq wara, ħalla xkora taħt it-taraġ li hu ma kienx jaf x’fiha u lanqas iċċekkja x’kien fiha u iktar tard Josè Xerri reġa’ kien għaddha għaliha.

Il-Qorti qalet illi minkejja l-fatt li l-Avukat Ġenerali isemmi l-ammont ta’ 10 kilos cannabis, dan ma jiffigura mkien mill-atti. Barra minn hekk jidher illi l-prosekuzzjoni qegħda temmen lill-akkużat fil-verżjonijiet tiegħu, speżjalment rigward l-involviment tiegħu.  

Il-Qorti għamlitha ċara wkoll illi meta kawża bhal din tinstema mill-Qorti tal-Maġistrati u mhux mill-Qorti Kriminali, ma jfissirx li l-akkużat m’għandux jeħel piena karċerarja jekk jinsab ħati, iżda tfisser li l-minimu ta’ ħabs li jista’ jeħel tinżel għal sitt xhur flok erba’ snin.

Ghaldaqstant wara li fliet l-atti tal-każ b’mod ħolistiku u qieset dak kollu ndikat, il-Qorti laqgħet it-talba ta’ Cachia u ordnat illi għandu jiġi ġudikat quddiem il-Qorti tal-Magistrati (Ġudikatura Kriminali). Il-Qorti ordnat li kopja ta’ dan id-digriet jiġi notifikat lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard.

Dan sabiex jara jekk hux il-lok li jkun hemm emendi oħra fir-raba’ skeda tal-Ordinanza dwar id-Drogi Perikolużi u cioe’ il-Kapitolu 101 tal-Liġijiet ta’ Malta sabiex jirriflettu konsiderazzjonijiet oħra li l-Avukat Ġenerali għandu jieħu meta jiġi biex jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu dwar liema Qorti ghandha tiġġudika lill-akkużat. Għal Cachia qegħdin jidhru l-avukati Franco Debono u Kathleen Calleja Grima.