Lokali

Bulgaru arrestat wara qabda ta’ droga b’valur ta’ €1.5 miljun

Bulgaru ta’ 28 sena ġie arrestat b’rabta ma’ sejba ta’ madwar 38 kilo droga suspettata kokaina, eroina u kannabis sabiex tkun ittraffikata f’Malta, bil-valur tad-droga fis-suq hu stmat li jlaħħaq madwar €1.5 miljun.

Tard il-Ħadd filgħaxija, investigazzjoni b’suċċess wasslet biex il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kissret ċirku internazzjonali ta’ traffikar tad-droga. Din l-Iskwadra rċeviet informazzjoni dwar vann li kien għadu kemm telaq minn Sqallija lejn Malta u allegatament kien qed iġorr id-droga.

Malli wasal minn Pozzallo, permezz ta’ kelb mit-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija, is-suspett kien ikkonfermat hekk kif il-kelb indika li hemm xi ħaġa suspettuża.

Il-vann imbagħad kien skortat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit lejn il-garaxx tal-Pulizija, il-Floriana u fil-preżenza tal-Bulgaru, il-Pulizija ta’ Kontra d-Droga wettqet tfittxija fil-vann, fejn irriżulta li parti minnu kellu kompartamenti foloz. Wara li ġie żarmat il-ħadid, kien hawn li nstabet id-droga, maqsuma f’diversi boroż – 5kg kokaina, 4kg eroina u 29kg kannabis.

Bis-sejba ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo li qed imexxi inkjesta.

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana. Huwa mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum, quddiem ilMaġistrat tal-Għassa Doreen Clarke.