Lokali Qorti

Bulgaru jinżamm arrestat b’rabta ma’ 38 kilo droga valur ta’ €1.5 miljun

Bulgaru ta’ 28 sena nżamm taħt arrest mill-Maġistrat Doreen Clarke b’rabta ma’ sejba ta’ 38 kilo droga suspettata kokaina, eroina u kannabis li kienet lesta biex tkun ittraffikata f’Malta, bil-valur tad-droga fis-suq hu stmat li jlaħħaq madwar €1.5 miljun.

Mustafa El Madhoun, spiċċa arresta tard il-Ħadd filgħaxija, wara nvestigazzjoni suċċess mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fejn hawn tkisser ċirku internazzjonali b’rabta ma’ traffikar tad-droga kbir. Din l-Iskwadra rċeviet informazzjoni dwar vann li kien għadu kemm telaq minn Sqallija lejn Malta u allegatament kien qed iġorr id-droga.

Malli wasal minn Pozzallo, permezz ta’ kelb mit-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija, is-suspett kien ikkonfermat hekk kif kelb ta’ iskwadra indika li hemm xi ħaġa suspettuża. Fil-Qorti huwa qal li m’għandux indirizz fiss f’Malta u li huwa student li jagħmel xogħol part-time, filwaqt li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju u nżamm arrestat u wara ttieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-prosekuzzjoni talbet biex jiġu ffriżati l-assi kollha tal-akkużat. Din it-talba sabet l-oġġezzjoni tad-difiża li qalet li din tmur kontra l-konvenzjonijiet Ewropej dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Madankollu l-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ordnat l-iffriżat tal-assi tal-akkużat. Wara li l-Bulgaru kien arrestat il-Ħadd, il-vann li kien qed juża’ kien skortat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit lejn il-garaxx tal-Pulizija, il-Floriana u fil-preżenza tal-akkużat, il-Pulizija ta’ Kontra d-Droga wettqet tfittxija fil-vann, fejn irriżulta li parti minnu kellu kompartamenti foloz.

Wara li ġie żarmat il-ħadid, kien hawn li nstabet id-droga, maqsuma f’diversi boroż li kienu jikkonsiostu f’ħames kilos kokaina, erba’ kilos eroina u 29 kilos cannabis. Bis-sejba kien ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo li qed imexxi inkjesta. Għall-akkużat dehru l-avukati Jose Herrera, Shazoo Ghaznavi u Charles Mercieca filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech.