L-attakkant Portugiż ta’ 25 sena Diogo Jota kkommetta ruħu ma’ Liverpool għal ħames snin oħra hekk kif iffirma kuntratt ġdid li jorbtu mal-klabb sal-2027.
Jota ingħaqad ma’ Liverpool fl-istaġun 2019/20 mingħand Wolves u għalkemm mhux dejjem kien l-ewwel preferenza fl-attakk ta’ Jurgen Klopp dejjem kien pedina importanti għal Liverpool u fl-ewwel staġun tiegħu skorja 12-il goal filwaqt li l-istaġun li għadda skorja 21 goal għar-Reds.
F’intervista li ta lis-sit uffiċjali tal-klabb Jota qal li huwa kburi li ffirma kuntratt ieħor u li jinsab kuntent li minn mindu ingħaqad ma’ Liverpool stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-plejers importanti, xi ħaġa li ried mill-bidu nett. Huwa qal li issa li ffirma kuntratt ta’ ħames snin, ikkonferma li l-klabb jemmen fl-abiltajiet tiegħu u li issa għandu aktar żmien biex jagħti lura dak kollu li jista.
Minn naħa l-oħra, il-Manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp qal li din hija aħbar brillanti u li Jota għandu kwalitajiet ovji bħal dik li jiskorja l-goals. Klopp kompla jgħid li l-Internazzjonali Portuġiż jaħdem ħafna għat-tim u li kapaċi jilgħab fl-irwoli kollha fl-attakk bl-atitudni pożitiva li għandu.
Jota qed jirkupra minn injury fil-hamstring li ħallietu barra mill-frindlies kollha tal-pre season iżda fi kliemu stess huwa jinsab preparat biex kif jirkupra se jkun qed jgħamel minn kollox biex jgħin lil Liverpool jirbħu aktar unuri.
//= $special ?>