Lokali

Il-Ministru Abela ma joffri ebda serħan il-moħħ u jinħeba wara l-fatt li Malta għandha inflazzjoni baxxa

L-effett tal-għoli tal-ħajja qed iħalli wkoll l-impatt tiegħu fuq dawk li għandhom iktar minn 60 sena, hekk kif qed isibuha diffiċli ferm biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar. Tant li, kif fisser magħna din il-ġimgħa l-Kap Ezekuttiv tal-YMCA, mhux qed jibqgħalhom flus biex jixtru l-mediċini.

Quddiem din is-sitwazzjoni li qed taffettwa lil bosta familji, ħaddiema u pensjonanti, il-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela qed jibqgħu jtennu dejjem l-istess kliem – diskors li ftit li xejn qed joffru serħan il-moħħ jew saħansitra għajnuna konkreta lil dawn il-familji.

Bil-Ministru responsabbli mill-anzjani Jo Etienne Abela jibqa’ jinsisti li Malta għadha fost l-inqas rata ta’ għoli tal-ħajja minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  

Mistoqsi kif b’mod kontret se jkunu qed jgħinu lil dawn l-anzjani, il-Ministru reġa’ ma offra ebda soluzzjoni ġdida li se tkun qed tgħinhom jaffaċċjaw il-problema tal-għoli tal-ħajja.

Fl-aħħar xhur, kienu bosta l-affarijiet u l-prodotti bażiċi. li komplew jaraw żidiet fil-prezzijiet tagħhom, b’diversi organizzazzjonijiet, wissew dwar id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw dawk li  mhux biss jinsabu fil-faxex il-baxxi tas-soċjeta iżda wkoll dawk li għandhom paga medja.