Lokali

Il-PN se jniedi proċess ta’ konsultazzjoni u jipproponi emendi fl-Avviż Legali dwar id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol

Il-Partit Nazzjonalista jinnota bi pjaċir kif mil-lum, il-familji Ewropej, inklużi dawk f’Malta u f’Għawdex, se jibdew jibbenefikaw minn diversi miżuri ġodda favur il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.

Dan grazzi għad-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol, li hi Liġi tal-Unjoni Ewropea li kienet innegozjata mill-Membru Parlamentari Ewropew David Casa. Illum hi l-aħħar ġurnata wara terminu ta’ tliet snin li matulu din kellha tiġi implimentata.

Madankollu, fi stqarrija maħruġa mill-MEP David Casa, mill-Kelliem għas-settur Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo, mill-Kelliema għall-Ugwaljanza u d-drittijiet tat-tfal Graziella Attard Previ u mill-Kelliema għal-Libertajiet Ċivili, d-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg, il-Partit Nazzjonalista jinnota kif l-implimentazzjoni mill-Gvern Malti kienet mimlija difetti sinifikanti, fosthom il-mod kif l-Avviż Legali kien ippreżentat mill-Gvern. Mhux biss jinnota l-fatt li ġie ppubblikat matul il-perjodu li l-Parlament hu magħluq għall-vaganzi tas-Sajf, u allura ma setax ikun dibattut jew skrutinizzat, iżda anke għax kien ippubblikat ftit jiem biss qabel ma skada t-terminu mitlub mill-Unjoni Ewropea.
Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir li l-Gvern Malti ta l-anqas ammont ta’ drittijiet lill-familji, filwaqt li l-Gvern tefa’ l-piż finanzjarju fuq min iħaddem.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista sema’ lill-istakeholders u ħa nota tat-tħassib tagħhom. Kif dejjem saħaq, il-Partit Nazzjonalista se jniedi proċess ta’ konsultazzjoni, filwaqt li jsegwi l-aħħar żviluppi barra minn xtutna ħalli jipprepara u jressaq emendi għall-Avviż Legali meta l-Parlament jerġa’ jiftaħ f’Ottubru.

Biex jassigura li l-Avviż Legali jkun tal-aktar vantaġġ possibbli għall-familji f’Malta u f’Għawdex, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiffoka biex il-Liġi tkun waħda li tagħti l-aktar drittijiet possibbli fid-dawl tad-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol.

Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista irid jassigura aktar ċarezza u ċertezza legali għal min iħaddem, li spiċċaw jitolbu pariri legali biex jipprovaw jifhmu l-istqarrijiet vagi u xejn utli li għamel il-Gvern.

B’mod partikolari, il-Partit Nazzjonalista jemmen li hemm restrizzjonijiet bla bżonn fuq il-paternal u l-parental leave, tant li jrid jintroduċi flessibbiltà fid-dawl tar-realtajiet differenti li jistgħu jiffaċċjaw il-familji. Minn din id-Direttiva mhux l-ommijiet biss jibbenefikaw, iżda anke l-missirijiet, għax hi opportunità għall-missirijiet li jridu jkunu parti mit-trobbija ta’ wliedhom.

Il-Partit Nazzjonalista jara dan bħala investiment fil-familji u allura jibqa’ jinsisti li l-piż ta’ dawn il miżuri għandu jinġarr mill-Istat.

Finalment, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jesplora possibbiltajiet biex ikunu inklużi familji li twieldulhom uliedhom qabel it-2 ta’ Awwissu 2022. Għax kif inhi s-sitwazzjoni s’issa, il-Partit Nazzjonalista qed jifhem li familji li saħansitra kellhom wild ġdid sal-bieraħ huma esklużi għal kollox mill-Avviż Legali.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol hi opportunità biex ikun żviluppat qafas effettiv ta’ drittijiet għall-familji. Id-Direttiva hi diġà pass kbir ’il quddiem, iżda l-Partit Nazzjonalista jiddispjaċih jinnota kif l-implimentazzjoni mgħaġġla tista’ tipperikola uħud mill-għanijiet l-aktar importanti tad-Direttiva.

Id-Direttiva hi opportunità biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji, biex jitjiebu l-opportunitajiet tal-ommijiet li jaħdmu u biex titnaqqas id-differenza bejn is-sessi fl-impjieg, fil-pagi, fil-pensjonijiet, u fir-rwol tal-kura u t-trobbija tat-tfal u tal-familja. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid itejjeb l-Avviż Legali biex jinkisbu aħjar l-għanijiet vitali tad-Direttiva.