Internazzjonali

Iran: Il-Punent mhux qed jafda lir-reġim ta’ Tehran fost l-aħħar żviluppi nukleari

L-Iran qed jinsisti li mhux jippjana biex jibni arma nukleari avolja  — ftit tal-jiem ilu – sostna li għandu l-kapaċità teknika biex jibni din l-arma qerrieda.

Sadanittant, il-potenzi tal-Punent mhumiex qed jafdaw lir-reġim Iżlamiku fundamentalista f’Tehran minkejja li dan baqa’ jinsisti li beħsiebu juża l-programm nukleari tiegħu għall-proġetti domestiċi paċifiċi u xejn aktar.

L-Uffiċjali tal-Punent ilhom iwissu dwar il-ħtieġa ta’ politika ‘aktar inklussiva’ fir-rigward tal-Iran qabel il-programm nukleari ta’ Tehran jasal f’punt fejn ma jistax jiddawwar lura.

Intant mhumiex jikkonvinċu l-istqarrijiet ta’ Mohammad Eslami, il-Kap tal-Organizzazzjoni Iranjana għall-Enerġija Atomika,  fis-sens li l-Iran mhux se javvanza l-programm nukleari sal-livell fejn ikun jista’ jhedded direttament lill-ġirien tar-reġjun – u anki lid-dinja.

Fil-fatt, il-kumment sinifikattiv ta’ Eslami li ‘l-Iran, illum, jista’ jibni arma atomika’ intensifika t-tħassib dwar il-vera natura tal-programm nukleari tal-Iranjani.

Il-programm inkwistjoni laħaq avvanza sew fl-aħħar sentejn wara li staġna l-Ftehim storiku tal-2015 bejn l-Iran u l-potenzi tad-dinja bil-ħsieb li Tehran inaqqas mill-attivitajiet nukleari tiegħu.