Internazzjonali

L-Istati Uniti joqtlu lill-mexxej tal-Al Qaeda Ayman al-Zawahiri

Al-Zawahiri, li kellu 71 sena, kien is-suċċessur ta’ Osama Bin Laden u nqatel mill-forzi Amerikani f’attakk mill-ajru li seħħ fi tmiem il-ġimgħa. Hu kien meqjus bħala wieħed mill-imħuħ wara l-attakki ta’ 9/11.

Dan ikkonfermah il-President Amerikan Joe Biden f’diskors li għamel mill-gallarija tal-White House fejn qal li issa kienet seħħet il-ġustizzja.

L-attakk kien awtorizzat minn Biden inniffsu u twettaq permezz ta’ armament ta’ preċiżjoni.

Al-Zawahiri nqatel permezz ta’ drone waqt li kien qiegħed fuq gallarija tas-safe house fejn kien qiegħed jistaħba. Id-drone spara żewġ missile li laqtu lilu iżda li ma messewx lil membri oħra tal-familja tiegħu li kienu fl-istess dar.

Fid-diskors tiegħu Biden qal li jittama li l-qtil ta’ Al-Zawahiri jgħin biex jingħalaq kapitlu ikrah għall-qraba tal-madwar 3,000 vittma li tilfu ħajjithom fl-attakki tal-2001.