Lokali

L-MUMN tgħid li infermiera waħda spiċċat il-‘ħaruf tas-sagrifiċċju’

L-MUMN b'direttivi sabiex l-infermiera ma jaċċettawx iktar pazjenti

Wara li ġiet konkluża l-inkjesta li kellha tinvestiga x’wassal għall-għajbien ta’ Charlie Fino, li fil-lejl ta’ bejn is-27 u t-28 ta’ Ġunju ħareġ mir-residenza ta’ San Vincenz De Paul, l-MUMN qalet li infermiera waħda spiċċat ‘il-ħaruf tas-sagrifiċċju’.

Fi stqarrija l-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel Paul Pace qal li jekk skont il-Ministru responsabbli minn dan is-settur, is-sistema ma fallietx, alllura għaliex ħass il-bżonn li kellhom jiddaħħlu iktar miżuri stretti f’din ir-residenza.

Skont protokoll li kien maqbul bejn l-MUMN u l-Gvern, is-sala in kwistjoni suppost, matul il-lejl, kellha żewġ infermiera u mhux waħda. Għalhekk il-fatt li kien hemm biss nurse waħda on duty f’dak il-lejl huwa turija ċara ta’ kemm is-sistema falliet…. bil-persuna responsabbli ta’ dan kollu huwa l-Ministru tal-Anzjani.

L-istqarrija tkompli tgħid li biex l-affarijiet jkompli jiggravaw, in-nurse li kienet xogħol matul dal il-lejl kienet reliever li għadha kemm gadwat ftit xhur ilu u għalhekk żgur li ma kinitx taf lill-pazjenti kollha.

L-MUMN ilha għal żmien twil tinsisti li l-problema tan-nuqqas ta’ infermiera hija bomba tal-ħin u hekk kif jinqala’ xi inċident jew problema, il-Gvern jispiċċa jitfa’ t-tort kollu fuq il-ħaddiema minflok jindirizza dan il-falliment li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jiżdied.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MUMN hija kommessa li tagħmel minn kollox biex tissalvagwardja lill-membri tagħha. Għalhekk immedjatament se jidħlu fis-seħħ numru ta’ direttivi fosthom li San Vincenz de Paul u residenti oħra tal-anzjani mhux se jaċċettaw iktar pazjenti sakemm fis-swali kollha ta’ San Vincenz de Paul ikun hemm żewġ infermiera matul il-lejl.

Apparti dan, f’sala kbira m’għandux ikun hemm iktar minn 30 pazjent u kull sala għandu jkollha mill-inqas tliet infermiera matul il-ġurnata.

L-MUMN qalet li hekk jittieħdu passi kriminali fil-konfront tal-infermiera li kienet xogħol dakinhar li ħarab Charlie Fino, mhux eskluż li jittieħdu iktar azzjonijiet industrijali.