Lokali

Problema kbira bid-drenaġġ fiz-zona tal-Għadira

“Sitwazzjoni insapportabbli.” Hekk qed tigi deskritta r-riħa qawwija ta’ drenaġġ li f’diversi ħinijiet tal-ġurnata qed tinxtamm fiz-zona tal-Għadira. Dan wara li x-xahar li għadda kien instadd il-main tal-Gvern, u mal-ewwel saru rapporti mill-persuni li jkunu villeġġatura f’din l-akwata.

Mara li tkellmet magħna qaltilna li l-ħaddiema tal-Water Services kienu intervjenew mal-ewwel biex isewwu l-ħsara, iżda l-irwejjaħ xorta komplew jippersistu.

Raġel ieħor qalilna li din mhix xi ħaġa aċċettabbli fis-sena 2022 li jkollok tgħix f’dawn il-kundizzjonijiet – problema li bla dubji hija tebgħa kerha anke għat-turisti li bħalissa jkunu qed jiffrekwentaw l-Għadira. Bir-riħa tad-dranaġġ tant tkun qawwija f’ċerti waqtiet illi wieħed ma jissaportihiex.

Filmati li ġibed Net News fl-aħħar ġimgħat jikkonfermaw it-telqa li qed tiddomina z-zona kollha tal-Għadira, fl-eqqel tal-istaġun tas-sajf. U evidenti t-traskuraġni kbira li hemm fiz-zona fejn persuni qalulna kif hemm periklu anke biex sempliċiment wieħed jipprova jasal il-bajja.

Persuni li għandhom problemi ta’ mobbiltà faħħru l-fatt li fl-Għadira hemm aċċess li jagħti għajnuna biex wieħed ikun jista’ jagħmel użu mill-faċilitajiet tal-bajja….. iżda għalxejn hemm dan kollu jekk biex tasal għall-bajja hemm il-periklu, u nuqqas ta’ aċċessibbiltà.