Lokali

“Qed jiżdiedu l-persuni ta’ ‘l fuq minn 60 sena li m’għandhomx saqaf fuq rashom” – YMCA

Il-pressjoni fuq organizzazzjonijiet li jgħinu li min qed ibati l-faqar, bħall-YMCA qegħda kull ma jmur tikber, u r-raġuni hija waħda – Iż-żidiet kbar li qed naraw fuq il-prezzijiet ta’ ħafna affarijiet, inklużi l-aktar affarijiet bażiċi bħall-ikel u l-mediċini.

F’intervista li tana l-Kap Eżekuttiv ta’ YMCA Anthony Camilleri spjegalna kif kuljum qed jiltaqgħu ma’ nies li mhux ilaħħqu mal-prezzijiet tal-ikel.

Camilleri qal li hemm min lanqas jiflaħ jixtri flixkun ilma, u bħalissa qed jiżviluppa fenomenu ġdid, dik ta’ persuni ta’ 60 sena u ‘l fuq li qed ikollhom jirrikorru għandhom sabiex ikunu jistgħu jixtru l-mediċini ta’ kuljum għax ma jaffordjawx jixtruhom huma.

Hu spejga li f’pajjiżna sa issa ma teżistix statistika nazzjonali dwar il-faqar, u għalkemm riċerka tal-YMCA turi li hawn aktar minn 150 persuna li m’għandhomx dar, kull sena jkunu bejn 600 u 800 l’persuni li jirrikorru ghand l-organizzazzjoni għax m’għandhomx fejn jorqdu.

Għall-mistoqsija ta’ x’jagħmlu meta ma jkunux jistgħu jakkomodaw lil dawn in-nies, Anthony Camilleri qalilna li dawn ikunu sitwazzjonijiet ta’ dieqa għax il-YMCA m’għandhiex biżżejje sodod biex jakkomodaw lil kulħadd u f’dak il-każ jippruvaw jaħdmu mal-Gvern biex tinstab alternattiva.

L-etajiet ta’ dawk li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom ivarjaw, b’medja ta’ bejn 30 u 50 tifel u tifla taħt il-ħames snin li diġa jinsabu bla dar. Iżda hemm ukoll żagħżagħ u adulti li jinsabu bla dar.

Iżda fenomenu ieħor ġdid hu dak ta’ persuni ta’ ‘l fuq minn 60 sena li wkoll qed isibu ruħhom bla saqaf fuq rashom.

Fl-aħħar xhur, kienu bosta l-affarijiet bażiċi u mhux biss. li komplew jaraw żidiet fil-prezzijiet tagħhom, u diversi organizzazzjonijiet, fosthom il-Caritas, wissew dwar id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw dawk fil-faxex il-baxxi.