Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Somalu li għamel atti oxxeni fuq tal-linja

Somalu ta’ 36 sena, li jaħdem fil-kostruzzjoni ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi b’sentejn wara li meta tressaq kien ammetta li għamel atti ta’ natura sesswali fuq tfajla Franċiża mingħajr il-kunsens tagħha fuq tal-linja. Mohammed Mahmud Dirie ta’ 36 sena kien ammetta fil-Qorti li fis-16 ta’ Lulju li għadda wettaq atti sesswali fil-konfront tat-tfajla f’tal-linja li kienet ippakkjata bin-nies. 

Il-każ seħħ fuq tal-linja numru 14 li kienet sejra mill-Belt Valletta għal San Ġiljan għall-ħabta tal-10pm. Turista Franċiża kienet stqarret mal-Pulizija l-esperjenza xejn feliċi li għaddiet minnha fuq tal-Linja meta t-raġel għamel atti oxxeni fil-konfront tagħha. Dan meta wettaq atti ta’ masturbazzjoni u spiċċa wkoll biex saħansitra eġakola.

Il-Maġistrat Gabriela Vella fis-sentenza tagħha kkonsidrat li r-raġel ikkopera mal-pulizija u li ammetta l-akkużi kontrih fil-bidu tal-proċeduri kontrih. Għalhekk huwa ngħata sentenza sospiża. Il-Maġistrat fetħet għajnejn l-akkużat dwar x’jiġri jekk iwettaq reat ieħor waqt li din is-sentenza tkun għadha fis-seħħ.  

Il-vittma u r-raġel residenti Birkirkara kienu bil-wiefqa viċin xulxin, bit-tfajla kif tinżel minn fuq tal-Linja tmur mill-ewwel tagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija. Mohammed Mahmud Dirie ammetta li kkommetta reat mingħajr il-kunsens tat-tfajla u li offenda l-pudur u l-morali tagħha, li l-egħmil tiegħu sar f’lok espost għall-pubbliku, jiġifieri fuq it-Trasport Pubbliku.

L-Ispettur Saviour Baldacchino qal fil-Qorti li huwa ssoġġetta lit-tfajla għal att ta’ intimità fiżika, bl-imġiba tas-Somalu jkollha konotazzjonijiet sesswali, bl-aġir tiegħu jkun offensiv, umiljanti u degradanti. Il-Maġistrat fakkret lill-ħati x’jiġri jekk iwettaq reat ieħor waqt li din is-sentenza tkun għadha fis-seħħ.  L-Ispettur Saviour Baldacchino mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li għas-Somalu deheret l-avukat Yanika Bugeja.