It-Tajwan qed jipprepara għal ‘wirja ta’ saħħa militari’ oħra miċ-Ċina meta Nancy Pelosi, l-iSpeaker tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti,qed tibda żjara kontroversjali f’din il-gżira-Stat.
Iż-żjara ta’ Pelosi qed issir mingħajr l-appoġġ tal-White House ta’ Washington. Dan meta Nancy Pelosi hi t-tielet l-aktar uffiċjal influwenti fil-Gvern Amerikan u meta hi ma titlef qatt opportunità biex tikkritika liċ-Ċina komunista. Fl-istess ħin, Pelosi hi l-aktar politiku Amerikan ta’ livell għoli li qatt żjar it-Tajwan f’25 sena.
Fl-aħħar sigħat ukoll, iċ-Ċina bagħtet l-ajruplani tal-gwerra lejn iz-zona ‘informali’ fit-Taiwan Strait li tisseparaha mit-territorju tat-Tajwan. Il-qawwiet Ċiniżi, bħalissa, anki qed jorganizzaw l-eżerċizzji bl-isparar qrib dawn l-inħawi u l-kelliema f’Beijing qalu li ‘iċ-Ċina tinsab lesta għal kull eventwalità’.
Dan waqt li l-Ministeru tad-Difiża Tajwaniż qal li qed isegwi s-sitwazzjoni fost it-tensjoni ġdida u li t-Tajwan hu determinat dejjem li jiddefedi ruħu kontra kull theddida minn Beijing.
Intant, iċ-Ċina, waqt li wissiet dwar il-konsegwenzi taż-żjara minn Nancy Pelosi, sostniet ukoll li l-Istati Uniti ‘se tispiċċa tħallas il-prezz’ għall-preżenza ta’ Pelosi fit-Tajwan, li Beijing iqisu bħala provinċja ribelluża taċ-Ċina.
Fl-aħħar sigħat, il-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin kien għaddej bil-kuntatti mal-Istati Uniti dwar ‘is-sensittività taż-żjara ta’ Pelosi fit-Tajwan’.
//= $special ?>

