Lokali Qorti

Trattament u twissija għal raġel bi problema ta’ droga li sawwat lil nanntu

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella ordnat biex raġel ta’ 32 sena minn Ħal Qormi jingħata t-trattament għall-vizzju tad-droga wara li ammetta li sawwat lin nanntu għax riedha tagħtih il-flus għad-droga. Il-Qorti wissiet lir-raġel biex joqgħod mal-ordnijiet tal-Qorti għax fin-nuqqas ta’ dan jista’ jiġi kkundannat għal multa ta’ €7,000 jew għal priġunerija ta’ mhux iżjed minn sentejn bil-possibilità li jingħata piena tat-tnejn li huma flimkien.

Ir-raġel li ismu mhux qed jixxandar biex tiġi protetta l-identità tan-nanna tiegħu ammetta li fit-18 ta’ Lulju 2022 u fil-ġranet ta’ qabel, f’diversi ħinijiet f”Ħal Qormi uża vjolenza, inkluż vjolenza morali u psikoloġika, u għamel kollox biex jillimita l-aċċess għall-fllus għad-detriment tan-nanna tiegħu.

Ammetta wkoll li matul il-lejl tas-17 ta’ Lulju 2022 u s-siegħat bikrin ta’ filgħodu tat-18 ta’ Lulju 2022, bejn id-9pm u t-3am ġewwa Ħal-Qormi mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja tan-nanna tiegħu f’periklu ċar, volontarjament kkaġunalha offiża ta’ natura ħafifa.

Ammetta wkoll li ħebb għaliha sabiex jinġurja, idejjaqha jew jagħmlilha ħsara u li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni, u li għamel ħsara li tammonta għal anqas minn €2,500 għad-dannu tan-nanna tiegħu. L-imputat, li mhux darba kiser difrejh mal-liġi, xi ħaġa li l-Qorti nnutat, u li wkoll ikkunsidrat il-fatt li l-ammissjoni tiegħu saret fi stadju bikri tal-proċeduri.

Ħadet in konsiderazzjoni wkoll il-fatt li mis-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u tad-Difiża jirriżulta li l-imputat għandu bżonn l-għajnuna u trattament sabiex jikkontrolla r-rabja tiegħu kif ukoll għall-vizzju tad-droga li huwa għandu. Fiċ-ċirkostanzi tal-każ u fid-dawl tal-fatt li l-imputat għandu bżonn l-għajnuna u trattament sabiex jikkontrolla r-rabja tiegħu kif ukoll għall-vizzju tad-droga li huwa għandu, u sabiex jiġi prevenut l-għemil ta ’reati oħra għandu jiġi sorveljat minn Uffiċjal tal-Probation.

Għadaqstant tpoġġa taħt ordni ta’ trattament għall-perijodu ta’ tliet snin mid-data ta’ din is-sentenza biex jiġu indirizzati l-problemi li huwa għandu. Il-Qorti ordnat li kopja ta’ din is-sentenza flimkien ma’ l-Ordni ta’ Probation u l-Ordni ta’ Trattament jiġu komunikati lid-Direttur tal-Probation Services. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.