Ir-Russja, għall-ewwel darba, akkużat lill-Istati Uniti dwar sehem dirett fil-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna. Dan waqt li kelliem għall-Ministeru tad-Difiża f’Moska allega li l-Istati Uniti qed tapprova l-miri ‘li għandhom jintlaqtu mill-qawwiet Ukreni’ li qegħdin jużaw artillerija moderna tat-tip Himars li kienet ipprovduta lilhom mingħand l-istess Amerikani.
Il-Ġeneral Igor Konashenkov, għan-nom tal-Ministeru Russu, qal li kienu interċettati xi kuntatti bejn l-uffiċjali tal-Ukrajna li, skont hu, żvelaw is-sehem dirett tal-Amerikani fil-gwerra. Madankollu, l-akkużi ta’ Moska ma kenux ivverifikati mis-sorsi indipendenti – b’Washington jibqa’ ma jikkummentax.
Ir-Russja, qabel, kienet akkużat lill-Istati Uniti bħala ‘instigatur tal-gwerra’ fl-Ukrajna. Intant. il-Ġeneral Konashenkov insista li ‘il-Gvern Amerikan hu direttament responsabbli għall-isparar tal-missili approvat mill-Ukrajna u li qed jikkonċentra fuq iz-zoni residenzjali u l-infrastruttura ċivili fir-reġjun Ukren tad-Donbas ( fejn hemm preżenza kbira ta’ separatisti li jappoġġjaw lir-Russja). Moska, intant, qed tallega li l-Amerikani ‘huma involuti wkoll’ fl-attakki mill-qawwiet Ukreni fuq reġjuni oħra u li rriżultaw fil-qtil ta’ħafna ċivili.
L-artillerija ‘Himars’ tippermetti għall-isparar ta’ diversi missili f’daqqa u bi preċiżjoni kbira – u hi aktar effettivi mis-sistemi missilistiċi tar-Russja.
Sadanittant, ir-Russja ilha ssostni li ‘l-Alleanza tan-NATO wkoll qed tieħu sehem fil-gwerra tal-Ukrajna permezz tal-armamenti li qed tipprovdi lill-Armata Ukrena’.
Żdiedu anki r-rapporti li r-Russja ma taffordjax aktar telf ta’ suldati u tagħmir militari f’din il-gwerra u meta Moska għadha suġġetta għall-akkużi dwar sensiela ta’ reati kontra l-popolazzjoni Ukrena u fejn qegħdin ibatu l-aktar ċivili vulnerabbli, inklużi t-tfal.
//= $special ?>

