Lokali

113-il kumment tal-Gvern u 4 tal-PN fl-aħbarijiet ta’ TVM fl-aħħar erba’ xhur

L-Erbgħa waranofsinhar bdew jinstemgħu t-tliet ilmenti li għamel il-PN fil-konfront tal-PBS quddiem l-Awtorità tax-Xandir.

Il-PN qed jilmenta dwar il-mod kif ġiet irrappurtata fuq l-aħbarijet ta’ TVM is-sentenza tal-Qorti fejn il-Partit rebaħ kawża kontra l-istess PBS u  l-Awtorità, dwar  in-nuqqas ta’ rapportaġġ mill-PBS dwar sondaġġ mil-Illum dwar il-Legal Notice tal-istorbju fil-Belt Valletta u dwar in-nuqqas mill-PBS li jirrapporta fl-aħbarijet ir-rapport tal-OSCE li kkundanna l-użu taċ-ċekkijiet għax-xiri tal-voti u r-rappurtaġġ tal-PBS.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino staqsa lill-Awtorità tax-Xandir jekk għandhiex renidkont ta’ kemm il-kumment kien hemm ta’ persuni mill-Gvern jew il-Partit Laburista fl-aħbarijet tal-PBS ta’ dawn l-aħħar xhur u kemm kien hemm għan-naħa tal-PN u tal-Oppożizzjoni, bl-awtorità twieġeb li bejn April u Lulju ta’ din is-sena kien hemm total ta’ 113 il-sound on tape għall-Gvern u 4 għall-Oppożizzjoni.

Piccinino staqsa lil Charles Dalli, l-editur reġistrat tal-PBS xi prassi hemm fejn jidħlu sound on tape – jew kummenti rrekordjati – fis-servizzi tal-aħbarijiet.

Dan għaliex il-PN ilmenta li fir-rappurtaġġ tal-PBS naqsu li jieħdu kumment mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt il-konferenza tal-aħarijiet dwar ir-rebħ tal-kawża kontra l-istess PBS u l-BA.

Dalli qal li skont il-linji gwida tal-Bord Editorjali, kummenti minn mexxejja ta’ partiti jittieħdu skont il-każ.

Il-PN ilmenta wkoll il-fatt li l-PBS naqas li jirrappota dak li sabet l-ILLUM f’sondaġġ fost il-Beltin li kien juri l-frustrazzjoni tar-residenti għall-istorbju mill-barijiet.

Waqt li Charles Dalli qal li l-PBS għandha prassi li ma tirrappurtax sondaġġi, hu qal li xi tipi oħra ta’ sondaġġi ġieli ġew irrappurtati. 

Għall-PN, Piccinino ppreżenta numru ta’ istanzi fejn TVM irrapporti sondaġġi.

Is-smigħ ġie aġġornati għat-8 t’Awwissu fis-2.00pm.