Ħames snin ilu, il-Gvern Laburista nieda pjan biex jagħmel it-toroq kollha ta’ Malta fuq medda ta’ seba’ snin.
Illum, meta fadal sentejn, ghad hemm tnejn minn kull tliet toroq illi ghadhom qed jistennew imqar kisja tarmac.
U waqt li l-pajjiż qed jistenna dan ix-xogħol isir, jidher li lanqas il-proġetti li saru sa issa m’huma jsolvu xejn mill-problemi ta’ traffiku u konġestjoni ta’ karozzi. Bil-Ministru jispiċċa jgħid li l-festi huma kaġun li qed iwasslu għat-traffiku f’pajjiżna.
Intant, il-Ministru Aaron Farrugia, li ftit tax-xhur ilu ħa minn idejn Ian Borg ir-responsabbilta għat-toroq ta’ pajjiżna, mhux qalbu maqtugħha li fl-24 xahar li ġejjin isiru t-toroq kollha li fadal u mistoqsi jekk jaħsibx li dan jista’ jsir wieġeb li se jagħmel mill-aħjar.
Mistoqsi x’kien li wassal biex ix-xogħol waqa’ daqstant lura, il-Ministru qal li dan kien kawża tal-pandemija u tan-nuqqas ta’ materja prima.
Ix-xogħolijiet fit-toroq ta’ spiss kienu suġġett ta’ kritika, mhux biss mill-eluf ta’ sewwieqa li kważi ma’ kull traġitt li jagħmlu jsibu xi triq magħluqa jew maqlugħa, imma wkoll mill-operaturi fil-qasam turistiku, bil-President tal-MHRA Tony Zahra fl-aħħar jiem qal li t-traffiku ma jispiċċa qatt u l-kaos minħabba x-xogħlijijet qed jagħmlu ħsara kbira lit-turiżmu.
Madankollu meta Net News staqsa lill-Ministru x’jaħseb dwar dan, hu sempliċiment qalilna li x-xogħol irid isir.
Ironikament, ftit minuti biss qabel ma staqsejna lill-Ministru dwar l-ippjanar, l-eks mexxej Laburista Alfred Sant kiteb fuq Facebook dwar it-taħwid fit-toroq. U li hawn wisq xogħlijiet għaddejjin f’daqqa li mhux biss qed joħolqu frustrazzjoni kbira, imma li spiss jinbdew u jitħallew nofs leħja.
Iżda mistoqsi dwar dan kollu, Farrugia qal li “se nkomplu naħdmu tajjeb”.
Fl-aħħar snin kienu wkoll bosta t-toroq li saru u kif tlestew reġgħu inqalgħu – uħud minnhom għal darba darbtejn, imma ma’ Net News, il-Ministru Farrugia baqa’ jinsisti li dak kollu li qed isir fit-toroq ta’ Malta u Għawdex qed isir bi ppjanar tajjeb.
//= $special ?>