Wara l-kontroversja li inqalgħet dwar l-iffirmar tal-liġi tal-IVF, il-President ta’ Malta stqarr illi hu ma jħossx li għadu jirriżenja. Filwaqt illi insista li xi darba, wara li tintemm il-Presidenza, għad toħroġ l-istorja kollha.
Il-President Vella ta dawn il-kummenti lill-media kmieni dalgħodu.
Kien eżatt sebat ijiem ilu meta ġiet iffirmata l-liġi l-ġdida tal-IVF. Dan wara kważi tliet ġimgħat ta’ tkaxkir tas-saqajn, f’sitwazzjoni mhux normali għal pajjiżna fejn liġi damet daqstant tul ta’ żmien imdendla tistenna l-firma tal-President ta’ Malta.
L-emendi għall-IVF saru liġi wara l-firma tal-Aġent President Frank Bezzina.
L-Aġent President iffirma eżatt malli l-President George Vella ħalla pajjiżna għal żjara fir-Renju Unit, b’analisti jirrimarkaw li din kienet mossa ċara minn naħa ta’ Vella li ma ried jaċċetta b’xejn dawn l-emendi.
Il-President George Vella, akkumpanjat mis-Sinjura Vella, kienu siefru biex jattendu għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob tal-Commonwealth f’Birmingham.
Il-Liġi kienet għaddiet mill-Parlament fis-6 ta’ Lulju li għadda.