Sport Waterpolo

Is-seba’ knock-out għal San Ġiljan fl-aħħar tmien snin u t-tieni unur tas-sena għal Marsaskala

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…… 13

NEPTUNES VIDEOSLOTS……. 10

(5-3), (1-4), (4-1), (3-2)

San Ġiljan JP Projects kisbu s-seba’ knock-out fl-aħħar tmien snin hekk kif fil-finali għelbu lil Neptunes Videoslots. Din kienet it-tieni rebħa kontra r-rivali f’ħamest ijiem u issa jitpoġġew ukoll bħala l-favoriti għar-rebħ tal-kampjonat, f’dak li hu l-ewwel unur għal Zeljko Kovacic bħala kowċ ta’ San Ġiljan.

Neptunes kienu ġejjin minn jiem turbulenti wara t-tneħħija tal-kowċ Jovan Popovic, bil-kowċ il-ġdid Dorian Pisani kellu biss jumejn ċans biex jaħdem mat-tim. F’partiti bħal dawn jinħass in-nuqqas ta’ plejer bħal Jordan Camilleri. San Ġiljan kellhom l-aqwa bidu possibbli hekk kif fetħu vantaġġ ta’ 4-1. Sa dak il-ħin kollox deher faċli. Providenzjali għal Neptunes kien Jake Muscat li żammhom fil-logħba bi tripletta għal skor ta’ 5-3.

Iż-żewġ gowls differenza sparixxew fit-tieni sessjoni b’Alec Fenech u Jeremy Abela jiskorjaw fi ftit ħin. Jake Bonavia żamm lil San Ġiljan minn fuq iżda Fenech dawwar ir-riżultat b’doppjetta immedjata. Reazzjoni minn San Ġiljan fit-tielet sessjoni li dawru l-logħba favurihom. Wara l-lob ta’ Stevie Camilleri, il-Ġiljaniżi skorjaw erba’ gowls konsekuttivi, f’sessjoni li Neptunes kienu erratiċi.

Bħalma għamlu fit-tieni sessjoni, Neptunes skorjaw darbtejn konsekuttivi u b’nofs sessjoni għat-tmiem, l-iskor kien 10-10. Nikolai Zammit reġa’ poġġa lil San Ġiljan minn fuq mill-ewwel minn penalty, Andreas Galea rdoppja b’azzjoni personali u Darren Zammit issiġilla r-rebħa lejn it-tmiem. Fi tmiem il-logħba, il-captain Matthew Zammit ġie ppreżentat bit-trofew fost il-ferħ tal-partitarji Ġiljaniżi.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (2), A. Galea (2), N. Schiavone, M. Zammit (1), B. Plumpton, D. Tully, J. Bonavia (2), N. Zammit (4), D. Zammit (1), N. Bugelli, G. Vassallo, M. Ortoleva (1), D. Fero

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (4), S. Gialanze, G. Pace, J. Cachia, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (1), J. Abela (1), M. Spiteri Staines, A. Fenech (4), M. Castillo, M. Rossi, M. Farrugia

Referees: Luca Bianco, Massimo Angileri

It-tieni unur għal Marsaskala din is-sena

VALLETTA IZIBET………………. 7

M’SKALA FISH AND FISH……. 9

(1-4), (2-2), (2-2), (2-1)

Prestazzjoni mill-aqwa ta’ Marsaskala Fish and Fish fl-ewwel sessjoni wittiet it-triq għat-tieni unur tal-istaġun. Rebħa mistħoqqa għat-tim ta’ Arpad Babay li kien l-aħjar tim, b’Valletta jonqsu li jqumu għall-okkażjoni.

Marsaskala meritatament fetħu vantaġġ komdu ta’ 4-1, liema vantaġġ saħansitra kiber għal 6-1 fit-tieni sessjoni, bl-Iskalin beda jkollhom faċilità biex isibu x-xibka. Valletta rnexxielhom inaqqsu d-distakk b’gowls ta’ Daniel Paolella u Michele Mifsud.

Id-distakk ta’ 6-3 wassal lil Valletta biex jiġru wara r-riżultat. Fit-tielet sessjoni tjiebu xi ftit u reġgħu bdew jemmnu wara li naqqsu l-iżvantaġġ għal 7-5, iżda Malcolm Manara żamm it-tliet gowls vantaġġ.

Il-gowl ta’ Jean Claude Cutajar lejn nofs l-aħħar sessjoni għamilha impossibbli għal Valletta biex jirkupraw hekk kif iż-żewġ gowls lejn l-aħħar kienu inutli. Fi tmiem il-logħba, il-captain ta’ Marsaskala Jean Claude Cutajar ġie preżentat bit-trofew minn Joe Agius, Chief Technology Officer tal-Bank of Valletta.

Valletta: B. Busuttil, N. Farrugia, M. Pace, M. Cacici, S. Busuttil (1), Z. Micallef (1), D. Paolella (1), M. Mifsud (2), S. Micallef, A. Agius, K. Galea, K. Cremona, A. Bugeja, L. Felice, R. Attard (2)

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (2), A. Camenzuli, P. Privitera, R. Greco (1), G. Galea, K. Navarro, M. Manara (3), D. Pace Lupi, G. Sammut (1), J. Ciantar (1), M. Carani (1), A. Muscat, F. Scardino, L. Falzon

Referees: Francesco Romolini, Ronnie Spiteri