Lokali

AĠĠORNATA: Avukat li jaħdem fl-uffiċċju tal-AĠ jinstab mejjet fid-dar tiegħu

Stennija għar-riżultati tal-awtopsja

Il-Pulizija qed tinvestiga s-sejba ta’ katavru f’dar fi Triq is-Sirk fis-Swieqi.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma li f’dan il-każ “xejn mhu qed ikun eskluż”. U allura, s’issa mhux ċar jekk dan hux qed jiġi meqjus minn naħa tal-investigaturi bħala delitt.

Il-Pulizija qed jistennew l-awtopsja sabiex jistabbilixxu eżatt id-dinamika ta’ din il-mewt.

Qed jingħad li ma kienx hemm terzi persuni involuti.

Il-Pulizija ġew infurmati bil-każ ftit wara nofsinhar.

Net News jinsab infurmat li l-katavru huwa ta’ Karl Muscat, illi kien avukat prosekutur fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-vittma għandu 43 sena.

Intant, dwar dan il-każ inħatret inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella. Dan filwaqt li l-esperti forensiċi komplew bl-investigazzjonijiet kemm fir-residenza, kif ukoll fuq il-vettura tal-avukat Muscat.

Karl Muscat kien kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat, u huwa t-tifel tal-eks Ministru Nazzjonalista Pierre Muscat.

Fost dawk li esprimew kondoljanzi lill-familja Muscat kien hemm il-Kap tal-PN Bernard Grech, illi sellem il-memorja ta’ Karl Muscat u li se jibqa’ jiftakru bħala raġel ġentili u prudenti.

Anke l-kelliem tal-PN Darren Carabott u l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri tal-PN Charles Bonello sellmu l-memorja ta’ Muscat.