Lokali

Protesta pubblika minn Moviment Graffitti biex il-poplu Malti jieħu lura l-Blue Lagoon

Il-Moviment Graffitti ħabbar protesta pubblika f’Kemmuna nhar is-Sibt 13 t’Awwissu 2022 hekk kif fi kliemhom, il-Blue Lagoon għadu maħtuf minn interessi kummerċjali li biddlu din il-bajja f’lido privat.

Il-Moviment Graffitti dejjem saħaq li r-raġuni tas-sitwazzjoni gravi fil-Blue Lagoon hija x-xibka ta’ kummerċ intensiv li ħakmet din il-bajja, mhux id-deckchairs u l-umbrelel biss, iżda wkoll id-dgħajjes kbar (bħal katamarani) li jwasslu mijiet ta’ turisti u n-numru esaġerat ta’ gabbani kbar li joħolqu skart u storbju insostenibbli. Barra minn dan, meta żaru Kemmuna ftit tal-ġranet ilu, sibu li kienu tneħħew biss il-ftit deckhairs mill-parti żgħira ramlija, filwaqt li l-bqija taż-żona – is-simenta, il-passaġġ u l-bajja ż-żgħira l-oħra – kienu għadhom miksijin deckhairs vojta u umbrelel minn kmieni filgħodu.

Il-protesta ser issejjaħ għal miżuri immedjati sabiex tieqaf il-ħsara li qed issir u sabiex din il-bajja terġa’ tingħata lill-poplu:

  1. Deckchairs u umbrelel jintramaw biss fuq talba ta’ persuna fiżikament preżenti fuq il-post u fl-ebda ħin m’għandhom jokkupaw iktar minn 30% taż-żona kollha tal-Blue Lagoon.
  2. Id-dgħajjes il-kbar, li jieħdu mijiet ta’ turisti f’salt wieħed, ikunu projbiti minn Kemmuna.
  3. Ikun hemm limitu ta’ żewġ gabbani żgħar, mingħajr daqq ta’ mużika, fil-Blue Lagoon.
  4. Ikun hemm limitu fuq it-tip u l-ammont ta’ skart iġġenerat, u dan jinġabar kuljum, qabel il-lejl, sabiex ma jkomplux jitkattru l-firien li qed jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent naturali.

Min huwa interessat jingħaqad fil-protesta jista’ jibbukkja post fuq id-dgħajsa minn din il-formola ta’ reġistrazzjoni: www.comino.movimentgraffitti.org.