Internazzjonali

Brażil: Illiberati wara li kienu weħlu l-ħabs għal nirien qattiela f’nightclub

Qorti fil-Brażil annullat il-verdett ta’ kundanna għal erba’ irġiel li kienu weħlu sentenzi ta’ ħabs konsiderevoli b’konnessjoni ma’ nirien li kienu qatlu 242 persuna f’nightclub, fil-belt ta’ Santa Maria. It-traġedja tmur lura għall-2013 u issa l-prosekuturi qed jippjanaw biex jappellaw kontra din id-deċiżjoni tal-qorti li effettivament invalidat is-sentenzi ta’ ħabs għall-imputati

In-nirien qattiela seħħew meta grupp ta’ mużiċisti li kienu qed idoqqu live fin-nightclub xegħelu l-flares bil-konsegenza li qabbdu s-saqaf tal-bini – bil-fjammi jinfirxu malajr madwar il-kumpless.

Fl-2021, żewġ membri tal-band li kien qed idoqq dak il-ħin u żewġ sidien tan-nightclub instabu ħatja dwar omiċidju u attentat ta’ omiċidju fejn ingħataw sentenzi rispettivi li varjaw minn 18 sa 22 sena ħabs. Madankollu, qorti magħmulha minn tliet maġistrati fl-Istat ta’ Rio Grande do Sul iddeċidiet biex tħassar is-sentenzi tal-erba’ imputati fost referenza għal ‘irregolaritajiet’ fil-mod kif intgħażel il-ġuri li kien strumentali fil-verdett oriġinali.