Internazzjonali

Ċina-Tajwan: Tkompli r-rabja għal Pelosi…Beijing akkużat b’aġir ‘simili għal tal-Korea ta’ Fuq’

Hank Kuang military drill in Taipei, Taiwan. July 26, 2022.

Iċ-Ċina qed tirrikorri għal aktar stqarrijiet ta’  rabja dwar iż-żjara ta’ Nancy Pelosi, iSpeaker tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti fit-Tajwan. Dan meta l-Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, Wang Yi – għan-nom ta’ Beijing — fisser iż-żjara inkwistjoni bħala ‘azzjoni irresponsabbli u mingħajr raġuni li qed tqanqal it-taqlib fir-reġjun’.

Meta tkellem waqt laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi Asjatiċi tax-Xlokk, Wang sostna li pajjiżu għamel kulma jista’ biex jevita l-kriżi u li ‘Beijing ma jistax jippermetti għal ċirkostanzi li jaffettwaw ħażin lill-interessi tiegħu’.

Kien anki sinifikanti l-kumment ta’ Wang li ‘it-Tajwan, eventwalment, għandha tirritorna fl-ambitu taċ-Ċina’ — bi kliemu jenfasizza l-politika tal-Gvern komunista Ċiniż li ilu s-snin jisħaq bid-dritt fuq it-Tajwan bħala ‘territorju tiegħu’.

U waqt li l-qawwiet ta’ Beijing qed jinsistu bl-eżerċizzji militari viċin ta’ xtutha, it-Tajwan akkużat liċ-Ċina b’li ‘qed timita lill-Korea ta’ Fuq komunista’ – speċjalment wara l-isparar tal-missili lejn l-ibħra mhux wisq ‘il boġħod mill-gżira-Stat.

Il-Ministeru Tajwaniż għall-Affarijiet Barranin, sadanittant, ħeġġeġ għall-kawtela u biex ma jittieħdux deċiżjonijiet mgħaġġlin relatati mat-tensjoni ma’ Beijing. Iżda l-Ministru għamilha ċara li ċ-Ċina qed theddid is-sigurtà tat-Tajwan filwaqt li ħeġġeġ biex il-pajjiżi tad-dinja jappoġġjaw id-demokrazija f’din il-gżira-Stat filwaqt li jimpenjaw ruħhom għad-difiża ta’ poplu ħieles.