Lokali

Ebda informazzjoni dwar in-nefqa tal-Film Awards

Il-Ministru Clayton Bartolo donnu qed jibqa’ determinat li ma jagħtix risposta dwar kemm inħargu flus għall-Malta Film Awards.

Fl-editorjal tal-Malta Independent kien żvelat li għal dawn l-aħħar sitt xhur l-awtoritajiet, inkluż il-Gvern, kontinwament irrifjutaw li jipprovdu d-dettalji neċessarji dwar kemm ġie jiswa dan l-avveniment.

Lura fi Frar, l-awtoritajiet qalu li l-informazzjoni għadha qed tinġabar. Meta l-ġurnalisti reġgħu saqsew f’Ġunju kienu rreferuti għand Clayton Bartolo fejn pprovda stima ta kemm intefqu flus; iżda mhux l-ammont speċifiku. It-Tlieta li għadda, il-Malta Independent marret issaqsi l-mistoqsijiet direttament lill-Ministru Clayton Bartolo illi qal li hija impossibli li jgħid kemm intefqu flus ghall-Malta Film Awards.

L-editorjal stqarr illi l-fatt li din ic-cifra mhux qed tingħata jindika li l-Gvern mhux qed ikun trasparenti mal-poplu u li qed tinħeba xi ħaġa.

Il-film-makers Maltin u diversi professjonisti fl-industrija kienu lmentaw ħafna dwar l-extragavanza relatata ma’ dan l-avveniment.

Il-Kummissjoni tal-Films minn naħa tagħha kienet qalet li segwiet ir-regolamenti kollha tal-public procurment. U allura, jekk dak li ntqal huwa minnu, m’għandiex tkun impossibli li l-Ministru jgħid l-ammont eżatt li ntefaq itemm jghid l-editorjal tal-Malta Independent.