Futbol Sport

Europa Conference League: Hibernians u Ħamrun Spartans fl-azzjoni llum

Wara d-draw prestiġjuż li kisbu Gżira United ilbieraħ barra minn darhom kontra Wolfsberger AC tal-Awstrija, illum jidħlu fl-azzjoni Hibernians u Ħamrun Spartans fl-ewwel leg mit-Tielet Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni tal-Europa Conference League.

Fis-18:00, Hibernians se jkunu qed jisfidaw lit-tim mil-Latvja RFS fid-Daugava Stadium wara li eliminaw lil Levadia tal-Estonja. Hibernians bdew l-avventura tagħhom fl-Ewropa fil-UEFA Champions League kontra Shamrock Rovers, iżda kienu eliminati u għalhekk marru fl-Europa Conference League. Hibernians se jkunu għadhom mingħajr Andrei Agius li se jkun qed jiskonta l-aħħar partita sospiż minn ħamsa wara li l-istaġun li għadda kien tkeċċa fl-inċidenti li nqalgħu wara l-partita kontra tim ieħor mil-Latvja, Riga. Bjorn Kristensen weħel erba’ logħbiet u għalhekk issa m’għadux sospiż għalkemm xorta waħda għadu mhux disponibli minħabba li għadu qed jirkupra minn injury.

Il-kampjonat fil-Latvja jinsab fl-aħħar rawnd minn tlieta u meta ntlagħbu 23 logħba RFS jinsabu fit-tieni post bi 52 punt, ħames punti taħt il-leaders Valmiera.

Minn naħa l-oħra Ħamrun Spartans, li se jkunu qed jilgħabu fis-19:30 fl-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali, fuq il-karta għandhom avversarju kemm xejn aktar diffiċli minn Hibernians hekk kif se jkunu qed jilqgħu lil Levski Sofia tal-Bulgarija. Ħamrun ġejjin minn tliet rebħiet infila fil-kompetizzjoni u eliminaw lil Alashkert tal-Armenja u lil Velez Mostar tal-Bożnija Ħerzegovina. Branko Nisevic qal li hija xi ħaġa sabiħa li Malta qed tkun irrapreżentata minn tliet timijiet f’din il-fażi tal-kompetizzjoni u qal li wasal iż-żmien li fi żmien sena jew sentejn ikollna tim li jagħmilha għal-fażi tal-gruppi. Dwar l-avversarji Nisevic qal li qed jagħti vantaġġ lilhom fuq żewġ rawnds iżda jekk l-attitudni u l-wirja f’Malta tkun l-istess bħal logħob preċedenti jemmen li fit-tieni leg ir-riżultat ikun għadu miftuħ. Levski Sofia lagħbu żewġ logħbiet fil-kampjonat tal-Bulgarija u s’issa għandom telfa u rebħa.