Lokali

“Gvern bla viżjoni fl-enerġija” – PN

Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Energija Mark Anthony Sammut qed jinsisti li l-Gvern huwa bla viżjoni f’dan is-settur tal-energija u jippreferi jagħmel investiment skandaluż f’windfarm fil-Montenegro minflok jimxi fuq l-ezempju ta’ pajjizi oħra Ewropej.

Każ klassiku huwa dak li qed tagħmel Franza, illi ingħatat fondi mill-Bank Ewropew sabiex tkun tista’ tinvesti bil-qawwa fi tliet windfarms ’il barra mill-kosta tagħha fil-baħar Mediterran.

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius minn naħa tiegħu saħaq illi dak li għamlet Franza huwa mudell ideali għal pajjiżna sabiex nagħmlu investimenti tant kruċjali fuq il-baħar ħalli Malta timxi lil hinn mid-dipendenza fuq il-gass, u fuq il-ftehim mal-Electrogas; li l-Partit Nazzjonalista rrefera għalih bħala deal korrott.

Peter Agius qal li l-istqarrija tal-Gvern għadha tgħid bil-kontra ta’ dak li qed tiddikjara l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, li qed ssegwi l-passi tal-eks Ministru Konrad Mizzi, u saħansitra qed taħbi mill-pubbliku u mill-ġurnalisti rapport importanti li jitfa’ dawl fuq il-prattiċi ħżiena li hemm wara x-xiri miljunarju mill-Enemalta tal-windfarm fil-Montenegro.

Il-kelliem Nazzjonalista għall-Enerġija Mark Anthony Sammut insista li dan l-investiment fil-Montenegro juri n-nuqqas ta’ viżjoni li kellu u għad għandu l-Gvern ta’ Robert Abela ghal dan il-qasam tant importanti.