Futbol Sport

Ħamrun Spartans jitilfu kontra Levski Sofia b’gowl fl-aħħar sekondi

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN S…………0

LEVSKI SOFIA……..1

Ħamrun S: H. Bonello, S. Borg, M. Guillaumier, E. Mashike (I. Nedelkjovic 68’), J. Soares (B. Domingos 82’), R. Prsa (L. Montebello 82’), O. Bjelicic, J. Corbalan (K. Micallef 88’), Jonny (M. Sowe 68’), E. Marcelina, R. Camenzuli

Levski Sofia: N. Mihaylov, J. Petris, K. Van Der Kap, W De Freitas, G. Milanov (I. Stefanov 79’), W. De Melo, R. Dos Santos (M. Petkov 78’), B. Bari (A. Kraev 80’), N. Sundberg, F. Krastev, J. Chambers

Imwissija: S. Borg 8, M. Guillaumier 10’ (Ħ), J. Chambers 41’(L),

Skorjaw: F. Krastev 90+5 (L)

Referee: Willy Delayod

Assistenti Referees: Erwan Finjean & Philippe Jeanne

Ħamrun Spartans kienu sfortunati li sofrew l-ewwel telfa wara tliet logħbiet fl-Europa Conference League meta fl-istadium Nazzjonali tilfu bl-iskor ta’ 1-0 b’goal fil-ħames minuta tal-ħin miżjud minn Filip Krastev, goal li ma’ kienx meritat meta speċjalment fit-tieni taqsima t-tim immexxi minn Branko Nisevic kien bla dubju l-aħjar tim fil-pitch.

Bidu mhux daqstant feliċi għal Ħamrun bl-avversarji jkunu perikolużi mill-ewwel u wara biss disa’ minuti Levski ingħataw penalty wara li Matthew Guillaumier deher iwaqqa’ plejer avversarju fil-kaxxa bir-referee jsaffar penalty. Mill-11-il metru inkariga mill-penalty Krastev li għalkemm tefa’ lil Bonello n-naħa l-oħra ra l-ballun jaħbat mal-lasta u mtajjar mid-difiża. Fid-29 minuta Ħamrun fuq l-offensiva u minn korner ta’ Prsa l-ewwel kien il-goalkeeper Mihaylov li tajjar parzjalment bil-ballun jiġi fuq ras Soares li minn tarf il-kaxxa l-kbira prova jqabbeż minn fuq kulħadd iżda reġa kien Mihaylov li dawwar f’korner. Fit-38 minuta korner din id-darba għall-Bulgari mogħti minn Milanov bil-plejer Van Der Kaap jogħla tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi barra. Wara sitt minuti Ħamrun ingħataw free kick għal foul fuq Jonny li nkariga minnu Prsa li prova xutt b’saħħtu lejn il-lasti li Mihaylov tajjar b’diffikultà u b’xorti tajba għalih il-ballun ħabat ma’ plejer ta’ Ħamrun qabel mar f’goal kick. L-ewwel taqsima għalhekk intemmet kif bdiet fi draw ta’ mingħajr goals.

Fit-tieni taqsima Ħamrun ħarġu aħjar mill-avversarji u mas-siegħa logħob ċans tad-deheb għal Dodo meta wara li rċieva mingħand Jonny ra l-konklużżjoni tiegħu tkun salvata bis-sieq minn Mihaylov. Ħamrun għarfu jikkontrollaw il-partita u jżommu lill-avversarji ‘l bogħod mil-lasti ta’ Bonello u aktar ma’ beda jgħaddi ħin it-tim immexxi minn Stanimir Stoilov aktar beda jsiba diffiċli biex joħloq xi ħaġa. Fid-90 minuta f’attakk rari tal-Bulgari kien Filip Krastev li rnexxielu jidħol fil-kaxxa iżda l-konklużżjoni tiegħu tkun żbaljata għal kollox tant li spiċċat fi throw in. Sfortunatament għal-Ħamrun u mhux meritatament, minn azzjoni personali kien l-istess FILIP KRASTEV li daħal fil-kaxxa u b’xutt bix-xellug għeleb lil Henry Bonello, b’dan ikun l-aħħar xutt tal-partita qabel it-tisfira finali wara ħames minuti ta’ ħin miżjud.