Bosta persuni u familji f’pajjiżna qed jaffaċċjaw problemi relatati ma’ vultaġġ baxx jew instabbli fejn jidħol is-servizz tal-elettriku. U fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-Enemalta għandha l-obbligu li tagħti pjan ċar ta’ kif u meta dawn il-problemi se jiġu solvuti.
Dan ħareġ f’laqgħa li l-Kelliem tal-PN għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut kellu maċ-Chairman tal-Board u l-Kap Eżekuttiv tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma. Huwa qal li f’dan ir-rigward ir-Regolatur ta l-assikurazzjoni li qed jieħu dawn l-ilmenti bis-serjeta’ u qed jeżiġi f’kull każ li l-Enemalta tagħti pjan ċar ta’ kif u meta dawn il-problemi jkunu qed jissolvew.
Matul din il-laqgħa ingħata ħarsa ġenerali lejn l-operat tar-Regolatur, kemm l-aspett regolatorju kif ukoll l-immaniġġjar ta’ numru ta’ skemi.
Huwa staqsa wkoll jekk ir-Regolatur hux se jkun qed jieħu xi passi biex iħares l-interessi tal-konsumaturi wara s-sentenza tal-Qorti li ddikjarat li s-sistema ta’ kif l-ARMS qed taħdem il-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed tisraq lin-nies.
Ir-Regolatur jidher li qed iżomm mal-pożizzjoni li ħa fl-2014 dwar ilment ta’ konsumatur, kif ukoll fl-2018 meta ppreżenta l-każ tiegħu dwar dan is-serq il-Partit Nazzjonalista, li kienet tgħid li fl-opinjoni tiegħu s-sistema hija legali. Qalu wkoll li ser jistennew l-eżitu tal-appell li ressaq il-Gvern permezz tal-ARMS dwar din is-sentenza.
Fid-dawl tal-fatt li jidher li l-anqas ir-regolatur mhu ser jaġixxi biex dan is-serq jieqaf, il-Partit Nazzjonalista qed jevalwa t-triq ‘il quddiem biex jassigura li l-komsumatur jieħu lura dak li hu bi dritt tiegħu.
//= $special ?>