Internazzjonali

Il-kriżi bejn iċ-Ċina u t-Tajwan –L-akbar eżerċizzji militari ta’ Beijing fost l-isparar tal-missili ballistiċi

L-osservaturi internazzjonali huma mħassbin ferm dwar is-sitwazzjoni perikoluża li żviluppat bejn iċ-Ċina u t-Tajwan…Pajjiżi li ilhom ħafna żmien fi stat ta’ animosità u meta l-militar ta’ Beijing, bħalissa, jinsab għaddej bl-aktar eżerċizzji militari intensivi għal snin f’dik iz-zona.

It-tensjoni, fl-aħħar sigħat, irrankat fost l-isparar tal-missili ballistiċi mill-qawwiet taċ-Ċina li qed imexxu l-eżerċizzji fl-ibħra viċin il-kosta tat-Tajwan mid-direzzjoni tal-lbiċ u l-grigal. Dan waqt li Beijing kompla jagħmilha ċara li bl-ebda mod mhu se jittollera sitwazzjoni fejn it-Tajwan ikun rikonoxxut bħala Stat sovran u indipendenti minn pajjiżi oħra.

L-eżerċizzji taċ-Ċina qed ikunu evalwati mill-potenzi tal-Punent li huma ansjużi dwar il-possibbiltà li l-manuvri ta’ Beijing – magħrufin bħala live fire drills – jeskalaw sal-punt fejn is-sitwazzjoni ssir ikkontrollabbli.

Uħud miz-zoni fejn qed isiru l-eżerċizzji jinsabu biss 19-il kilometru ‘il bogħod mit-territorju tat-Tajwan u meta l-eżerċizzji militari taċ-Ċiniżi huma l-eqreb li qatt saru ta’ din il-gżira-Stat. Sadanittant, it-Tajwaniżi jinsabu fuq stat ta’ allert assolut, bit-tmexxija f’Tajpej issostni li l-manuvri militari taċ-Ċina qed jammontaw għal stat ta’ assedju fuq it-territorji tagħha. Dan meta l-eżerċizzji tal-qawwiet Ċiniżi mhumiex jippermettu li l-ajruplani u l-bastimenti jużaw l-ispazju speċifiku fil-limiti tat-Tajwan.

L-iżviluppi qed isegwu ż-żjara kontroversjali tal-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Nancy Pelosi fit-Tajwan…Żjara li hi kkonkludiet fl-aħħar sigħat u li saret bi sfida għaċ-Ċina li kienet wissiet kemm-il darba dwar ir-riperkussjonijiet ta’ żjara (f’Tajpej) fuq dan il-livell.

It-Tajwan tinsab biss xi160 kilometru ‘il bogħod mill-artijiet proprja taċ-Ċina  — bit-tensjoni attwali  anki qed tiżviluppa fi żmien meta r-relazzjonijiet bejn Beijing u l-Istati Uniti ( alleata tat-Tajwan) jinsabu fl-aktar livell baxx għal diversi snin.