Lokali

Il-Kurja żżid l-għajnuna tagħha għal dawk fil-bżonn

Matul is-sena li għaddiet, il-Knisja tat €560,000 f’donazzjonijiet f’għajnuna lil dawk fil-bżonn; jiġifieri 17% iktar f’donazzjonijiet fuq is-sena ta’ qabel.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Arċisqof fejn intqal li l-Arċidjoċesi bdiet tirkupra mill-effetti negattivi ta’ natura finanzjarja li ħalliet il-pandemija.

Is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi, Michael Pace Ross ħabbar ukoll li l-Knisja f’Malta irreġistrat surplus ta’ €3.4 miljuni. Dan hekk kif kien hemm dħul għall‑APS Bank wara nuqqas ta’ sena, minn bejgħ ta’ propretajiet, u minn titjib fil‑ġbir mill‑parroċċi meta mqabbel mas‑sena 2020.

Ir‑riżultati finanzjarji għall‑2021 juru li l‑Arċidjoċesi rreġistrat żieda fid‑dħul ta’ €6.9 miljuni.

Minkejja li l‑ġbir mill‑knejjes ma laħaqx il‑livelli ta’ qabel il‑pandemija, kien hemm żieda ta’ 26% fid‑dħul mill‑ġbir fil‑parroċċi.

Iż‑żieda fit‑turisti ħalliet ukoll impatt pożittiv fuq id‑dħul tal‑Mużew tal‑Katidral tal‑Imdina u l‑Bażilika tal‑Mosta, b’żieda ta’ 18% fil-viżitaturi fil-Bażilika tal-Mosta fuq l‑2020.

Il‑Kurja tal‑Arċisqof irreġistrat telf ta’ kważi €2 miljuni… għalkemm it-telf kien inqas mis-sena ta’ qabel. Dan l-irkupru ġie nnotat fid-dawl ta’ skemi ta’ għajnuna li ngħatat il-Knisja matul l-2021 b’rabta mal-Covid.